Lokali

Attenti: Iċemplulek taparsi mill-bank u jisirqulek flusek

Numru ta’ persuni fl-aħħar jiem ingidmu minn persuna jew persuni mhux magħrufa f’dik li jidher li hi mewġa ta’ serq permezz tat-telefon.

Persuni li tkellmu magħna spjegaw kif fl-aħħar jiem irċivew telefonata, taparsi minn ħaddiema tal-banek lokali, fejn ġew infurmati li x’aktarx hemm xi ħaġa ħażina fil-credit cards.

Meta dak li jkun jibda jafda lil dawn il-persuni, jintalab jipprovdi n-numru tal-card, id-data tal-iskadenza kif ukoll il-kodiċi ta’ sigurta’ li jinsab fuq wara tal-card.

Imma dan mhu xejn ħlief tqarrieq, bil-persuni li ngidmu jiskopru li bil-cards tagħhom inxtraw affarijiet online. F’xi każi l-ispejjeż ilaħħqu l-mijiet tal-ewro u diġa’ saru rapporti lill-Pulizija.

Hu mportanti li ħadd ma jagħti dawn id-dettalji fuq l-internet jew it-telephone. Dan għaliex il-banek qatt ma jitolbu dawn id-dettalji jekk mhux meta l-persuna tmur personalment f’xi fergħa tal-bank.