Lokali

Bosta jordnaw bukketti tal-fjuri għall-immigranti li mietu mgħarrqa

Fl-aħħar ħin bosta Maltin, fosthom uħud li jgħixu barra minn pajjiżna, għamlu kuntatt ma’ ħwienet li jbiegħu l-fjuri f’Malta biex jordnaw bukketti ta’ fjuri għall-immigranti li mietu mgħarrqa u ddaħħlu f’pajjiżna fl-aħħar sigħat.

S’issa ddaħħlu f’Malta 24 katavru, imma mhux eskluż li jaslu oħrajn fis-sigħat li ġejjin wara l-aħħar traġedja meta dgħajsa b’mijiet ta’ immigranti għerqet fil-Mediterran.

L-inizjattiva bdiet wara li l-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon għamel appell personali fuq Facebook fejn appella biex b’solidarjeta’ jintbagħtu bukketti tal-fjuri fil-Kamra Mortwarja.

Falzon fakkar li f’pajjiżna dawn l-immigranti m’għandhom lil ħadd biex jagħmlilhom dan il-ġest, u hu xi ħaġa żgħira meta ma stajniex noffrulhom ħajja aħjar.

Fl-appell tiegħu Falzon qal li min jixtieq jibgħat il-fjuri għandu jagħmel dan u jindirizzahhom lil “The Unidentified”, il-Kamra Mortwarja, l-Isptar Mater Dei, Msida.