Lokali

“Il-PN diġa’ mexa nofs triq”

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil isostni li r-riżultati tal-aħħar elezzjonjiet tal-kunsilli lokali wrew li l-PN diġa’ mexa nofs triq biex jirnexxielu jerġa’ jikseb l-appoġġ tal-elettorat.

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN flimkien mal-kunsillieri eletti fil-kunsilli lokali, il-Kap tal-PN Simon Busuttil tkellem fuq l-importanza li l-PN isaħħaħ il-kuntatt man-nies, għaliex għall-PN, il-bniedem u n-nies jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika tiegħu.

Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li minkejja li dawn kienu elezzjonijiet lokali, il-Partit Laburista għamel kampanja fuq livell nazzjonali u għalhekk ir-riżultat irid ikun interpretat ukoll fuq l-operat tal-gvern.

Kienu l-ewwel elezzjonijiet li fihom ivvutaw iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena. Il-PN irnexxielu jikseb l-appoġġ ta’ numru kbir minn dawn iż-żgħażagħ.

B’sens ta’ fiduċja, il-Kap tal-PN Simon Busuttil esprima d-determinazzjoni tal-PN biex jibqa’ jaħdem u jirriforma biex ikompli jirrifletti l-ħtiġijiet tas-soċjeta’ Maltija.