Ewropa Lokali

Il-PN jinsisti għal iktar bastimenti ta’ salvataġġ fil-Mediterran

Il-Partit Nazzjonalista appella lil kull Prim Ministru u Kap ta’ Stat fl-UE biex, b’mod urġenti u immedjat, juru qbil mal-ħtieġa ta’ iktar bastimenti ta’ salvataġġ fil-Mediterran biex jindirizzaw netwerks ta’ traffikar ta’ bniedem u biex isalvaw ħajjiet fil-baħar.

Fi stqarrija, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit u Shadow Minister għall-Intern, Beppe Fenech Adami, Roberta Metsola, Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u Francis Zammit Dimech, Kelliem għall-Immigrazzjoni, appellaw biex kull Prim Ministru tal-UE jagħti sehmu, jaqsam ir-responsabiltà u jirrikonoxxi li din hi sfida Ewropea li teħtieġ soluzzjoni Ewropea.

Il-PN saħaq li dak li seħħ fl-aħħar jiem fil-Mediterran juri li hu kruċjali għall-Ewropa li tieħu pożizzjoni konkreta dwar l-immigrazzjoni u minn kliem vojt tgħaddi għal azzjoni reali. Insistew li l-persuni li mietu ma jistgħux jispiċċaw biss statistika oħra.

Il-PN insista li kull Prim Ministru ta’ pajjiż tal-UE għandu obbligu morali li jaġixxi issa. Saħaq li l-Mediterran ma jistax isir ċimiterju ta’ wegħdiet, tamiet u ħajjiet miksura u li l-Prim Ministri ma jistgħux joqgħodu jiddibattu dwar l-immigrazzjoni waqt li l-katavri qed jibqgħu jimlew ix-xtajtiet.

Il-kelliema tal-PN qalu li l-istati membri sabu l-fondi, ir-rieda politika u r-riżorsi biex prattikament jeqirdu l-piraterija ’l barra mill-kosta tas-Somalja. Għalhekk appellaw għall-istess impenn biex jiġu salvati l-ħajjiet, tiżdied is-sigurtà, tiġi indirizzata l-kriminalità u l-kwistjoni tal-immigrazzjoni bl-istess entużjażmu.

Il-PN għalhekk insista li fl-immedjat, għandhom jiżdiedu r-riżorsi fil-Mediterran biex in-netwerks ta’ traffikar tal-bniedem ma jitħallewx jaħdmu u biex jiġu salvati l-ħajjiet. Bħala miżura fit-tul imbagħad, għandha tissaħħaħ l-istabilità fil-Libja, li hi kruċjali, kif inhuma possibilitajiet ta’ immigrazzjoni legali u għajnuna lil pajjiżi Afrikani biex iqumu fuq saqajhom.