Internazzjonali

Inċident ieħor fil-White House

Tard il-Ħadd filgħaxija persuna kienet arrestata wara li rnexxielha titla’ mar-reċint li hemm madwar il-White House. Il-persuna kienet qed iġġorr pakkett suspettuż meta twaqqfet mill-għassa li hemm mal-bini.
Wara, il-forzi tas-sigurtà ma sabu xejn suspettuż fil-pakkett li kien qed jinġarr mill-persuna arrestata.
Is-Servizz Sigriet, li hu inkarigat mill-protezzjoni tal-President Amerikan, tul dawn l-aħħar xhur kien taħt il-lenti tal-media wara sensiela ta’ inċidenti imbarazzanti.
F’Settembru, raġel armat b’sikkina qabeż ir-reċint u daħal fir-residenza tal-President. Imbagħad fl-4 ta’ Marzu, żewġ aġenti tas-Servizz Sigriet kellhom inċident b’karozza wara li kien ilhom lejl jixorbu barra.
Il-ġimgħa li għaddiet imbagħad kien hemm inċident meta raġel minn Florida niżżel ħelikopter żgħir ħafna fi ġnien tal-Capitol, is-sede tal-Kungress Amerikan. Instab li s-Servizzi Sigrieti kienu żammew lir-raġel għal interrogazzjoni f’Ottubru tal-2013 u għaliex kien diġà stqarr x’ried jagħmel pubblikament.