Kultura Lokali

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Festival tal-Logħob tan-Nar fil-Floriana

Il-Kunsill Lokali Floriana għandu pjaċir iħabbar ir-rebbieħa tad-disa’ edizzjoni tal-Festival Nazzjonali tal-Logħob tan-Nar ta’ l-Art Mekkanizzat li ġie organizzat mill-istess Kunsill fuq il-Fosos tal-Floriana, nhar is-Sibt li għadda.

F’dan il-Festival Kompettitiv ħadu sehem 13 il-Kumpless/Għaqdiet tan-Nar Lokali li esebew l-aħjar żewġ biċċiet tan-Nar tagħhom.

Kif diġa’ indikat, il-Kumpless tan-Nar Santa Marija tal-Qrendi ġie iddikjarat bħala r-rebbieħ ta’ dan il-Festival. Il-Kategorija għall-aħjar mekkaniżmu bl-inqas ingrenaġġi possibli, li inkludiet ukoll l-użu tal-ktajjen, intrebħet mill-Kumpless tan-Nar Santa Marija tal-Qrendi.

Il-Kategorija għall-aħjar prodotti użati ntrebħet mill-Għaqda tan-Nar Fontana, Għawdex.

Il-Kategorija għall-originalita’ fid-disinji u movimenti ntrebħet mill-Kumpless tan-Nar San Mikiel ta’ Ħal-Lija

Il-premju għall-ahjar xogħol pirotekniku skond l-opinjoni pubblika permezz tal-SMS’s intrebaħ mill-Kumpless tan-Nar 15 ta’ Awwissu, Mosta, li ġab total ta’ 830 vot.

Il-ġurija kienet magħmula minn tlitt piroteknici internazzjonali mill-Olanda u l-Ġermanja, filwaqt li ċ-Chairman kien is-Sur Michael Brockdorff. Il-ġurija evalwat x-xogħlijiet tan-nar waqt l-armar, waqt il-ħruq u anke permezz ta’ filmati.

Ir-riżultati tħabbru llum fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali Floriana, fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Għaqdiet kollha parteċipanti. Immedjatament wara, l-Onorevoli Stefan Buontempo, Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, flimkien mas-Sindku Nigel Holland, ippreżentaw il-premjijiet lir-rebbieħa.