Lokali

L-Ispeaker jiffirma dikjarazzjoni dwar koperazzjon bejn Parlamenti tal-Olanda, l-Islovakkja u Malta

Intervistat mill-istazzjon tat-televiżjoni tal-Parlament Taljan dwar it-traġedja tal-immigranti irregolari fil-Mediterran

Il-Parlamenti ta’ Malta, l-Olanda u s-Slovakkja ffirmaw dikjarazzjoni dwar koperazzjoni għall-perjodu bejn Jannar 2016 u Ġunju 2017, f’liema snin il-pajjiżi rispettivi se jkunu l-membri tat-trio tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Id-dikjarazzjoni kienet iffirmata, f’ċerimonja qasira li saret dalgħodu f’Ruma, mill-President tas-Senat Olandiż, Ankie Broekers-Knol; l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Olandiża, Anouchka Van Miltenburg; l-Ispeaker tal-Kunsill Nazzjonali Slovakk, Peter Pellegrini; u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati ta’ Malta, Anġlu Farrugia.

Il-membri tat-trio jinbidlu fuq bażi ta’ rotazzjoni bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea kull 18-il xahar, mekkaniżmu li tnieda permezz tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona f’Diċembru 2009.

Id-dikjarazzjoni dwar koperazzjoni tikkonċerna dawk l-attivitajiet li jridu jiġu organizzati fid-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza tal-Kunsill, li l-parti l-kbira tagħhom saru attivitajiet regolari f’kull Presidenza.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-Parlament Malti jirrikonoxxi l-importanza ta’ din l-ewwel esperjenza għal Malta u għall-Parlament Malti, esperjenza li hu kien qed iħares lejha mhux biss bħala sfida iżda wkoll bħala opportunità. Għal dan l-għan il-Parlament qiegħed fi proċess li jsaħħaħ l-istrutturi tiegħu sabiex jippermettu li d-dimensjoni parlamentari ta’ dan it-trio tkun suċċess.

Fost l-oqsma li jridu jingħataw attenzjoni hu rrefera għat-traffikar ta’ persuni fil-Mediterran u għall-fatt li issa l-Ewropa m’għandhiex taħli aktar ħin fuq dan, partikolarment wara l-mewt ta’ mijiet ta’ vittmi innoċenti f’dan il-baħar li sar ċimiterju.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia stqarr ukoll li l-fatt li t-trio hu magħmul minn Stati Membri ta’ esperjenza kif ukoll ġodda, għandu jkun strumentali għas-suċċess tiegħu.

Din iċ-ċerimonja nżammet ftit qabel il-ftuħ uffiċjali tal-laqgħa tal-Ispeakers tal-Parlamenti li qiegħda tkun organizzata ġewwa Ruma bejn l-20 u l-21 ta’ April, u li għaliha l-Ispeaker Farrugia kien akkumpanjat minn Eleanor Scerri, Direttur għar-Relazzjonijiet Internazzjonali tal-Parlament ta’ Malta, u minn Maya Schembri, First Secretary fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Ruma.

Waqt din il-laqgħa, l-istazzjon tat-televiżjoni tal-Parlament Taljan, RAI Parlamento, għamel intervista lill-Ispeaker Anġlu Farrugia fejn kien mistoqsi dwar it-traġedja tal-immigrazzjoni irregolari li qed isseħħ fil-Mediterran.

L-Ispeaker Farrugia qal li l-problema tal-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran, qiegħda tikber b’mod allarmanti, u din żgur hi problema tal-Ewropa kollha u mhux tal-Italja jew Malta biss. Hu żied li issa hu l-mument propizju li l-Ewropa tbiddel il-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni.

Fisser li l-isforzi tal-Ewropa għandhom jindirizzaw l-ewwel u qabel kollox it-traffikanti tal-bnedmin li qegħdin iwettqu ġenocidju fil-Mediterran.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia rrefera wkoll għad-diskors tal-Papa Franġisku li, fid-dawl ta’ dawn it-traġedji li qegħdin iseħħu fil-Mediterran, qal li jekk l-Ewropa mhix ser taġixxi minnufih, kull wieħed u waħda minna għandu jistħi jgħid li hu Ewropew.