Lokali

L-MUMN tipprotesta kontra tnaqqis ta’ pagi mingħajr il-kunsens tal-ħaddiema

Il-unjin tal-infermiera u l-qwiebel (MUMN) ipprotestat mad-dipartimenti tas-Saħħa u tat-Teżor dwar tnaqqis fil-pagi ta’ ħaddiema mingħajr ma jkun ingħata l-kunsens tagħhom.

L-MUMN qalet li ma tistax tittollera iktar il-fatt li d-Dipartiment tas-Saħħa qed jawtorizza tnaqqis tal-pagi ta’ membri tagħha, mingħajr ma’ l-ħaddiema jkunu jafu, u dan kull meta d-dipartiment ikun ħa żball u jkun ħallas lill-ħaddiema iktar.

L-MUMN qalet li mad-Dipartiment tas-Saħħa hemm kompliċi l-Uffiċċju tat-Teżor fil-Belt Valletta.

Fi stqarrija, il-President tal-MUMN, Maria Cutajar, qalet li l-aħħar każ seħħ din il-ġimgħa meta omm weħidha, li qed trabbi tarbija ta’ 7 xhur, tħallset €1,215 iktar milli suppost. L-MUMN qalet li meta din l-infermiera talbet breakdown tal-ħlas addizzjonali, għax ma kinitx konvinta mill-ammont li qalulha, id-Dipartiment oġġezzjona u minflok, ma tahiex paga.

L-MUMN qalet li dan mhux l-ewwel każ li seħħ u għalhekk il-unjin talbet parir legali. Bagħtet ukoll ittra lis-Segretarju Permanenti tad-Dipartiment tas-Saħħa, li ppubblikat.

Il-unjin insistiet li mhix se taċċetta l-fatt li l-Uffiċċju tat-Teżor jibqa’ jwaħħal fil-ħaddiema għall-iżbalji tad-Dipartiment tas-Saħħa. Sejħet it-tnaqqis fil-pagi mingħajr il-kunsens tal-ħaddiem stess, bħala sitwazzjoni gravi.

Il-unjin qalet li hi lesta li tiltaqa’ mal-Ministeri tal-Finanzi u tas-Saħħa biex tiddiskuti u ssib soluzzjoni aċċettabbli imma wissiet li jekk ikun hemm membru ieħor li jilmenta dwar sitwazzjoni simili, l-MUMN ma jibqgħaliex triq oħra ħlief li tirreġistra tilwima industrijali mad-Dipartiment tas-Saħħa.