Raġel li qed jaħdem f’shaft ta’ blokk ta’ appartamenti f’Tas-Sliema ftit li xejn ħaseb għas-sigurta’ tiegħu hekk kif filmat li wasal għand is-sit jurih marbut biss b’ħabel, bilqiegħda fuq fallakka.
U minkejja li kien qed jaħdem mat-tmien sular għoli, ir-raġel mhu liebes l-ebda tip ta’ lbies protettiv.
Fil-filmat, ir-raġel jidher qed juża metodu tradizzjonali, użat meta f’pajjiżna ma kinux jintużaw metodi moderni bħal scaffolding.
Biex jinżel fl-għoli tiegħu, ir-raġel jidher iħoll il-ħabel minn naħa tal-fallakka biex din tinżel ftit, jerġa’ jorbħot u jħoll minn naħa l-oħra.
Fid-dawl ta’ dan, l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA, appellat għall-informazzjoni biex ikun identifikat il-post fejn ilu jsir dan ix-xogħol b’periklu għall-aħħar jiem.
L-OHSA fi stqarrija qalet li diġa’ talbet lil min tella’ l-filmat biex jipprovdi informazzjoni, imma baqgħet bla risposta. Il-Pulizija wkoll ġew infurmati b’dan il-każ imma s’issa l-post ma ġiex identifikat.
Sfortunatament, l-OHSA nnutat il-kummenti indifferenti u irresponsabbli b’rabta ma’ dan il-każ li juri nuqqas ta’ sigurta’ fuq il-post tax-xogħol. Persuna saħansitra offra drinks b’xejn jekk il-filmat jarawh 100,000 persuna.
L-OHSA appellat lill-pubbliku biex jgħaddi informazzjoni li twassal biex ikun identifikat il-post fuq 2124 7677 jew 9949 6786.
//= $special ?>