Is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni fil-Mediterran se tiġi diskussa fuq livell ta’ Kunsill Ewropew f’summit straordinarju nhar il-Ħamis.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ressaq din it-talba lbieraħ wara l-iżviluppi li kienu għadhom kemm seħħew fejn tilfu ħajjithom iktar minn 600 persuna li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran mill-Afrika lejn l-Ewropa.
Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, ħabbar dan fi tweet fuq Twitter waqt li f’messaġġ f’filmat, iddeskriva s-sitwazzjoni fil-Mediterran bħala waħda drammatika li ma tistax tibqa’ sejra kif inhi.
Qal li mhux aċċettabbli li mijiet ta’ persuni jmutu waqt li jippruvaw jaqsmu l-baħar lejn l-Ewropa u hu għalhekk li hu żar ir-reġjun tal-Mediterran, inkluż Malta, tliet ġimgħat ilu u għaliex se ssir laqgħa straordinarja nhar il-Ħamis. Insista li din il-kwistjoni ma tolqotx biss lill-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-UE imma lill-UE kollha kemm hi. Għalhekk hemm ħtieġa ta’ azzjoni flimkien u issa.
L-iskop tas-summit, spjega, hu biex il-pajjiżi membri u l-istituzzjonijiet Ewropej jaraw x’jistgħu u x’għandhom jagħmlu biex itaffu s-sitwazzjoni. Saħaq li ma jistenniex xi soluzzjonijiet ta’ malajr għax dawn ma jeżistux.
Jistenna madankollu li l-Kummissjoni u l-European External Action Service jippreżentaw azzjoni li tista’ tittieħed fl-immedjat, u li l-pajjiżi membri jikkontribwixxu b’mod immedjat.
B’mod urġenti, saħaq Tusk, iridu jiġu indirizzati kwistjonijiet bħal kif għandhom jitwaqqfu t-traffikanti tal-bniedem, kif għandhom jissaħħu l-isforzi ta’ salvataġġ, kif jistgħu jgħinu aħjar lill-pajjiżi li huma l-iktar affettwati mill-immigrazzjoni bħal Malta u l-Italja, u kif tista’ tissaħħaħ il-koperazzjoni mal-pajjiżi minn fejn jitilqu jew jgħaddu l-immigranti.
//= $special ?>