Lokali

Titjira tal-Air Malta ddur lura wara għaxar minuti fl-ajru

Titjira li telqet minn Malta għal ħabta tat-3.30pm kellha ddur lura lejn l-Ajruport Internazzjonali wara li l-pilota ħabbar li kien hemm bżonn li ssir spezzjoni żgħira.

Dan seħħ fuq it-titjira tal-linja nazzjonali tal-AirMalta, KM328, madwar għaxar minuti wara li l-ajruplan ħalla pajjiżna.

Persuna li tkellmet magħna wara li l-ajruplan wasal il-Ġermanja spjegat kif l-ekwipaġġ tal-ajruplan fittxew li jżommu lil passiġġieri komdi u jevitaw l-allarm.

L-ajruplan dam madwar għoxrin minuta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u matul dan il-ħin reġa’ ingħata l-fjuwil għat-titjira.

Għadha mhix magħrufa r-raġuni wara dak li seħħ, iżda t-titjira waslet il-Ġermanja mingħajr problemi.