Boroż ta’ studju lil żewġ infermiera għal speċjalizzazzjoni fil-kura tad-dijabete
L-infermiera Maltin Moira Grixti u Catherine Azzopardi, li jaħdmu b’impenn u b’dedikazzjoni fis-servizzi u l-kura tal-pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete, ingħataw boroż ta’ studju mill-Fondazzjoni tal-Infermiera Ewropej tad-Dijabete (FEND).
Il-boroż ta’ studju liż-żewġ infermiera Maltin li se jkunu qed jattendu programm ta’ taħriġ ta’ tliet snin fl-Ingilterra flimkien ma’ infermieri Ewropej, tħabbru f’laqgħa speċjali llejla tal-Working Group tal-Parlament dwar id-Dijabete li twaqqaf sena ilu fuq inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Il-laqgħa tal-Working Group Parlamentari dwar id-Dijabete kienet indirizzata minn Anne Marie Felton, President u ko-Fundatur tal-European Nurses in Diabete,li qed iżżur Malta bl-inizjattiva tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete u tal-Wokring Group Parlamentari dwar id-Dijabete.
Meta indirizzat lill-membri tal-Working Group Parlamentari, Anne Marie Felton faħħret ix-xogħol imprezzabbli u b’dedikazzjoni li qed jagħmlu l-uniku żewġ infermiera Maltin speċjalizzati fil-kura u s-servizzi lill-pazjenti bil-kundizzjoni tad-dijabete.
Irrimarkat li bħala rikonoxximent għall-impenn u d-dedikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ infermiera nisa, il-Fondazzjoni li ilha mwaqqfa għal dawn l-aħħar 20 sena u hi mmexxija minn nies volontarji, qed tkun qed tirrikonoxxi s-servizz importanti li qed jagħtu f’Malta u qed toffrilhom boroż ta’ studju fl-Ingilterra.
Imfaħħar ix-xogħol tal-Working Group Parlamentari mwaqqaf bl-inizjattiva tal-Kap tal-Oppożizzjoni
Anne Marie Felton faħħret il-ħidma li qed iwettaq il-Working Group Parlamentari dwar id-Dijabete hekk kif innutat id-dokument ta’ strateġija li diġà ppreżenta biex pajjiżna jindirizza kemm it-titjib meħtieġ fis-servizzi għall-pazjenti bid-dijabete, kif ukoll il-programmi meħtieġa ta’ edukazzjoni u prevenzjoni. Irrimarkat ukoll xi punti li dwarhom esprimiet riservi dwar dak li qed jipproponi d-dokument.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil faħħar il-ħidma tal-Fondazzjoni Ewropea FEND u tal-preżenza ta’ Anne Marie Felton fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Working Group Parlamentari li qal qed iwettaq ħidma li għandha l-appoġġ tal-Parlament kollu, Gvern u Oppożizzjoni li qed jaħdmu b’kunsens u b’miri komuni biex itejbu l-ħajja tal-persuni bil-kundizzjoni tad-dijabete.
Filwaqt li feraħ u esprima apprezzament għall-boroż ta’ studju li ngħataw l-infermiera Maltin biex ikomplu jsaħħu l-kura u s-servizzi lill-pazjenti tad-dijabete, Simon Busuttil spjega li l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva u qed taħdem ukoll biex titnaqqas ir-rata għolja ħafna tal-Maltin li jbatu bid-dijabete u li għandhom piż żejjed.
Irrimarka li wkoll fuq inizjattiva tal-Oppożizzjoni, il-Parlament qiegħed jiddiskuti fi stadju ta’ kumitat, Abbozz ta’ Liġi dwar ħajja aktar sana biex titnaqqas u tiġi indirizzata l-problema tal-obesità. Semma wkoll li t-twaqqif ta’ dan il-Kumitat fil-ħidma parlamentari poġġa l-kura tad-dijabete fuq quddiem tal-aġenda u tal-ħidma politika.
Fakkar ukoll fis-sehem tiegħu bħala Membru Parlamentari Ewropew, fit-twaqqif ta’ forum dinji tal-Parliamentary Champions For Diabetes, li l-laqgħa li jmiss se ssir f’Vancouver.
Simon Busuttil jipproponi lil Godfrey Farrugia biex jirrappreżenta lil Malta fil-Forum Dinji tal-Parliamentary Champions For Diabetes
Simon Busuttil qal li pajjiżna għandu jkun rappreżentat f’dan il-forum dinji miċ-Chairperson tal-Working Group Parlamentari dwar id-Dijabete, id-Deputat Laburista Godfrey Farrugia li ħadem ħafna biex din il-ħidma parlamentari tħalli l-frott mixtieq.
Godfrey Farrugia spjega lil Anne Marie Felton il-miri tal-Working Group Parlamentari, kif ukoll il-ħidma u x-xogħol li qiegħed iwettaq. Filwaqt li faħħar l-inizjattiva li ħa l-Kap tal-Oppożizzjoni għat-twaqqif ta’ dan il-grupp ta’ ħidma fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, ħabbar ukoll li sal-aħħar ta’ Mejju se jkun qiegħed jippreżenta t-tieni dokument frott tax-xogħol li wettaq il-grupp parlamentari bl-għajnuna tal-imsieħba kollha f’dan is-settur, inkluż tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete u tal-professjonisti li jaħdmu fis-servizzi u l-kura għad-dijabete.
Għal din il-laqgħa kienu preżenti wkoll professjonisti li jaħdmu mal-pazjenti tad-dijabete, kif ukoll membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Dijabete.
Tarbija fost il-11-il każ ġdid ta’ tfal bid-dijabete
Professjonist irrimarka li u xokkanti li f’xahar partikolari din is-sena, fl-Isptar Mater Dei daħħlu 11-il każ ġdid ta’ tfal bil-kundizzjoni tad-dijabete – fosthom każ ta’ tarbija ta’ ftit xhur. Numru li normalment jintlaħaq f’perjodu ta’ sena u mhux ta’ xahar.
Missier ta’ tifla ta’ seba’ snin bil-kundizzjoni tad-dijabete, ġibed l-attenzjoni tal-Kumitat Parlmentari kif ukoll ta’ Anne Marie Felton, tan-nuqqas ta’ assistenza li hemm fl-iskejjel. Semma l-esperjenza li jgħaddi minnha hu biex it-tifla tiegħu tingħata l-insulina waqt il-ħin tal-iskola. Irrimarka li m’hemm ebda assistenza u għajnuna mill-iskejjel biex jiffaċilitaw sistema biex it-tifla tingħata l-kura meħtieġa fl-iskola.
Appell għal soluzzjoni fl-immedjat fl-iskejjel biex tfal bid-dijabete jingħataw l-assistenza meħtieġa
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil esprima s-solidarjetà mal-ġenitur u filwaqt li spjega li hemm diffikultajiet u kwistjonijiet dwar dawn is-sitwazzjonijiet, appella għal taħditiet biex jinstabu soluzzjonijiet fl-immedjat.
Anne Marie Felton irrimarkat li fl-Ingilterra hemm infermiera li joffru servizzi fl-iskejjel li jkunu assenjati għal zoni partikolari li jduru l-iskejjel u joffru l-għajnuna. Appellat għal taħditiet serji u fid-dawl ta’ diffikultajiet li jeżistu fl-iskejjel, ipproponiet li għandha tinstab persuna magħżula u ta’ fiduċja tat-tifla jew tifel biex toffri l-assistenza fil-kura meħtieġa fil-ħin tal-iskola.
Meta tqajjem il-punt tul din il-laqgħa, dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea tgħin ukoll biex jiġi kkunsmat ikel li jħares is-saħħa tal-bniedem, Anne Marie Felton faħħret il-ħidma li kien qed iwettaq il-Kummissarju Malti Ewropew Tonio Borg, hekk kif irrimarkat li l-ħidma tal-għaqdiet mhux governattivi mal-Kummissjoni Ewropea hi kontinwa biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.
Għal din il-laqgħa speċjali tal-Kumitat tal-Working Group Parlamentari dwar id-Dijabete, kien hemm preżenti wkoll ix-Shadow Ministers Claudette Buttigieg u Marthese Portelli, u d-Deputati Nazzjonalisti Frederick Azzopardi u Clyde Puli.
//= $special ?>