Lokali

Il-Casinos fuq il-cruise liners jistgħu jiftħu matul il-lejl

Permezz ta’ regolamenti ġodda, casinos fuq il-cruise liners se jkunu jistgħu jiftħu matul il-lejl.

Ir-regolamenti l-ġodda jippermettu li l-casino fuq il-cruise liners ikunu jistgħu jiftħu bejn is-6p.m. u s-6 a.m. waqt li jkunu ankrati f’Malta

Din il-konċessjoni tingħata fuq miżata ta’ €500 għal vapuri li jġorru 1,500 passiġġier jew inqas u €1,000 għal vapuri li jġorru iktar minn 1,500 passiggier. Vapuri li jqattgħu sitt sigħat f’Għawdex ikunu eżenti minn din il-miżata.

Meta kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv ta’ Valletta Cruise Port Stephen Xuereb spjega li din il-miżura għandha tinċentiva cruise liners biex iqattgħu il-lejl f’pajjiżna. Hu qal li din il-miżura għandha tgħin ukoll il-prodott turistiku Malti għaliex kull min mhux interessat li jilgħab fil-casino, ikun jista’ jinżel Malta u Għawdex u jduq parti oħra mill-kultura Maltija li sa issa mhux aċċessibbli, fosthom il-festi tal-bliet u l-irħula.

Hu fakkar li l-industrija tal-cruise liners hi stmata li tiġġenera mal-€120 miljun fl-ekonomija Maltija. Fakkar ukoll li fl-2014, għar-raba’ sena konsekuttiva, Valletta Cruise Port irċieva r-rikonoxximent bħala l-aqwa port għal dak li ghandu x’jaqsam ma’ turnaround operation.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Awtorita’ Maltija tal-Logħob Joseph Cuschieri qal li din il-miżura għandha tagħmel lil Malta iktar attraenti għall-cruise liners.

Hu qal li l-casino hu sors ewlieni ta’ introjtu għal diversi cruise liners u l-fatt li dan se jkun jista’ jiftaħ matul il-lejl, jgħin sabiex il-vapuri iqattgħu iktar ħin f’Malta.

Joseph Cuschieri qal ukoll li dawn ir-regolamenti mhux se jaffetwaw l-operat ta’ casinos f’Malta għaliex il-casinos fuq cruise liners se jibqgħu miftuħin biss għal passiġġieri reġistrati fil-manifest tal-vapur.

Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera qal li dawn ir-regolamenti huma frott ta’ bilanċ bejn il-ħtieġa li l-industrija tal-cruise liners toffri prodott kompetittiv u l-kompetittivita’ tal-casinos lokali.

Hu qal li kemm l-industrija tal-gaming kif ukoll dik tal-cruise liners jagħtu valur miżjud lill-ekonomija Maltija.