Lokali

Impenn mill-Oppożizzjoni biex jitnaqqsu l-isfidi għall-Maltin ta’ barra

Ejja naħdmu flimkien biex lill-Maltin ħutna li tbiegħdu minn art twelidhom fiżikament, inżommuhom fi ħdan din l-art li tatna isimha fl-ispirtu, fl-identità u fil-kultura.

Kien dan l-appell tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-indirizz tiegħu waqt il-ħames Konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra. Konvenzjoni li indirizzat diversi temi li jolqtu lill-Maltin li jgħixu barra bħall-isfidi li jsibu, il-lingwa Maltija, il-komunikazzjoni u ż-żgħażagħ fost l-oħrajn.

Filwaqt li tkellem dwar l-isfidi li jsibu Maltin li jgħixu barra, Simon Busuttil wiegħed li l-Oppożizzjoni mmexxija minnu se tkun proattiva u trid li fejn qabel stajna sibna xkiel, illum u fil-futur infittxu s-soluzzjonijiet.

Fid-dawl ta’ dan wiegħed li l-Oppożizzjoni se tistudja l-proposti li ħarġu minn din il-Konferenza u tappoġġja l-implimentazzjoni tagħhom.

Simon Busuttil fetaħ id-diskors tiegħu billi esprima x-xokk għat-traġedji umani fil-Mediterran, li qal li tant qed isiru komni li kważi sirna immuni għalihom.

“J’Alla li s-summit tal-mexxejja Ewropej iwassal għal soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni inutli ta’ telf ta’ ħajja umana,” saħaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, li għal darb’oħra wiegħed is-sapport tal-Oppożizzjoni lill-Gvern.

Minn naħa tiegħu l-Ministru tal-Affarijiet Barranin George Vella indirizza lir-rappreżentanti Maltin preżenti u qal li Malta hu pajjiż il-Maltin li jgħixu barra daqs kemm hu tal-Maltin li jgħixu f’pajjiżna.