Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra għalqet 89 sena u qed tiċċelebra l-okkażjoni fil-privat, fil-Kastell ta’ Windsor.
Intant, is-suldati mal-King’s Troop Royal Horse Artillery fakkru għeluq sninha bl-isparar tal-kanuni, bħala salut, ġo Hyde Park, f’Londra. Il-Banda tar-Royal Artillery imbagħad daqqet il-mużika ċelebratorja fl-istess inħawi, bil-kanuni jisparaw salut anki fl-inħawi tal-Kastelli ta’ Edinburgh u Stirling (fl-Iskozja); ħdejn il-Kastell ta’ Cardiff (f’Wales) u fil-Kastell ta’ Hillsborough.
Filwaqt li r-Reġina tagħlaq sninha fil-21 ta’ April, din l-okkażjoni tkun iċċelebrata uffiċjalment, kull sena fit-12 ta’ Ġunju.
Sadanittant, il-Familja Rjali u l-poplu Britanniku qed jistennew it-twelid, dan ix-xahar, tat-tieni tarbija tad-Duka William u Kate, id-Dukessa ta’ Cambridge, hekk kif il-folol diġà qed jinġabru barra l-Isptar St Mary’s f’Londra.
Bit-twelid ta’ din it-tarbija, ir-Reġina se terġa’ ssir bużnanna, wara li kien twieled il-Prinċep George, l-ewwel wild tad-Duka u d-Dukessa.
//= $special ?>