L-Armata tal-Afrika t’Isfel għandha tintervjeni biex twaqqaf il-mewġa tal-attakki li qed isiru kontra l-barranin f’dan il-pajjiż.
Il-Ministru Afrikan tad-Difiża, Nosiviwe Mapisa-Nqakula, ikkonfermat li s-suldati se jkunu stazzjonati fit-township ta’ Alexandra, lejn it-Tramuntana ta’ Johannesburg, bħala l-ewwel stazzjonar tat-truppi mindu faqqgħet il-vjolenza aktar kmieni dan ix-xahar.
Mietu mill-inqas seba’ persuni fil-vjolenza, bit-tensjoni tirranka fl-inħawi ta’ Alexandra, mindu nqatel raġel mill-Mozambique, fi tmiem il-ġimgħa.
Il-mewġa tal-vjolenza qamet minħabba l-fehma ta’ ħafna Afrikani li l-barranin qed jeħdulhom xogħolhom f’dan il-pajjiż. L-osservaturi qed jinnutaw li qed jiżdied is-sentiment ta’ ostilità fil-konfront tal-barranin.
Intant, mifhum li t-truppi Afrikani m’għandhomx jieħdu f’idejhom ir-responsabbiltà tal-pulizija, għalkemm huma mistennija jgħinu fiż-żamma tal-ordni fl-inħawi tal-kriżi.
//= $special ?>