F’riflessjoni dwar il-ħajja tal-emigrant Malti barra mill-pajjiż, l-Isqof t’Għawdex Mario Grech irrefera għal dak li seħħ fl-aħħar jiem bħala storja traġika li l-ħin kollu sseħħ fil-Mediterran u li ma tistax tiġi injorata.
L-Isqof t’Għawdex kien qed jiċċelebra quddiesa għall-parteċipanti tal-konvenzjoni għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta, fil-kappella tal-Palazz ta’ San Anton.
Waqt li rrefera għall-isfruttament ta’ dawk li jkunu qed jippruvaw jaħarbu mill-faqar u mill-vjolenza, l-Isqof Mario Grech appella għal interventi politiċi u umanitarji urġenti waqt li saħaq li l-komunità internazzjonali ma tistax tibqa’ tipposponi azzjoni politika effettiva għax ikollha iktar xi twieġeb għal dan ir-reat kontra l-umanità.
Iktar kmieni, l-Isqof irrefera għall-valuri li ħafna Maltin, inkluż dawk barra mill-pajjiż, jippruvaw jgħaddu lil uliedhom, fosthom is-solidarjetà u l-bżulija. Spjega li l-karattru Malti jfisser ukoll onestà u umanità, bħal ma wrew il-Maltin lil San Pawl. Qal li din is-saħħa jagħtiha l-Vanġelu ta’ Kristu.
Insista li l-valuri għandhom jiġu mgħoddija lill-ulied bl-eżempju, mhux biss bil-kliem, waqt li fakkar fi kliem il-Papa Franġisku, li fid-dinja qed tikber il-globalizzazzjoni tal-indifferenza. Ħeġġeġ biex il-poplu ma jħarisx lejn l-immigranti b’suspett imma jfittex li jinseġ flimkien il-ħjut tal-fratellanza u l-komunjoni bejn il-bnedmin minflok jingħalaq fih innifsu.
//= $special ?>