Lokali

L-MUT tappella għal tilqim kontra ċ-Chickenpox

Il-union tal-għalliema, l-MUT, appellat lill-Ministru tal-Edukazzjoni biex jintroduċi tilqim lill-għalliema u dawk li jaħdmu fl-iskejjel, u lill-istudenti, bil-għan li jillimita l-marda taċ-chickenpox.

L-MUT qalet li din il-marda li tittieħed b’mod faċli, titfaċċa kull sena u prattikament f’kull skola. Fakkret li minbarra li hi ta’ riskju għat-tfal, għandha konsegwenzi serji fuq trabi f’każ ta’ għalliema jew ħaddiema tqila.

Il-union ħeġġet lill-Ministeru biex jaġixxi kemm jista’ jkun malajr u nsistiet li għandha tingħata tilqima lill-edukaturi kollha.

Spjegat li la l-marda tinxtered kull sena, wieħed jista’ jippjana u jekk ikun hemm ippjanar, l-ispiża fl-immedjat se tpatti għall-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ ippjanar, bħal meta l-edukaturi jispiċċaw fuq leave ta’ mard fit-tul.

Saħqet fuq kollox li l-ispejjeż tal-Gvern u r-riskji għal edukaturi tqal huma enormi.