L-Oppożizzjoni qed tressaq tliet proposti fis-settur tal-enerġija li jgawdu minnhom in-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin. Il-proposti kienu elenkati waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport Marthese Portelli u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed Robert Arrigo.
L-ewwel proposta tal-Oppożizzjoni hija li n-negozji Maltin għandhom jingħataw art bl-istess rata li ingħatat il-kumpanija Shangai Electric, biex huma wkoll ikunu jistgħu jkomplu jinvestu fin-negozju tagħhom. Dan fid-dawl tal-fatt li din il-kumpanija Ċiniża ingħatat il-possibilità li tinvesti f’art tal-Gvern għal proġetti ta’ enerġija alternattiva bir-rata ta’ 50 ċenteżmu għal kull metru kwadru.
It-tieni proposta tirreferi għall-ittra li rċevew in-negozji Maltin li fiha kienu infurmati li jistgħu jikru soqfa ta’ fabbriki bir-rata ta’ €3.25 biex ikunu jistgħu jinstallaw pannelli fotovoltajiċi. L-Oppożizzjoni qed tipproponi li din ir-rata tkun aġġustata biex tirrifletti l-istess prezz li qed tħallas il-kumpanija Shanghai Electric.
Permezz tat-tielet proposta, l-Oppożizzjoni qed tħeġġeġ lill-Gvern biex jagħti d-dettalji ta’ iktar skemi ta’ enerġija rinovabbli li jkunu jistgħu japplikaw għalihom familji Maltin.
Dawn il-proposti jirriflettu l-għan tal-Oppożizzjoni li tkun gvern alternattiv li jipproponi iktar milli tkun biss Oppożizzjoni li topponi.
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għan-Negozji ż-żgħar u s-Self Employed Robert Arrigo li ppropona li l-Gvern għandu jirrevedi l-400 taxxa li daħħal u li qed ikunu ta’ piż kbir fuq il-familji u n-negozji Maltin. Dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Gvern qed jiftaħar li l-ekonomija sejra tajjeb.
Robert Arrigo fakkar li quddiem l-appelli tal-Oppożizzjoni fil-Parlament waqt l-aħħar dibattiti parlamentari, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna baqa’ jinsisti li dawn it-taxxi jibqgħu fis-seħħ kif inhuma. Robert Arrigo saħaq li dan m’hu xejn għajr stil immatur ta’ kif issir il-politika bi gvern li jagħżel li jsabbat saqajh u jkompli jżid l-ispejjeż għall-familji u n-negozji Maltin.
//= $special ?>