Internazzjonali

L-UE għandha tagħmel bħall-Awstralja u tibgħat lura lill-immigranti – Tony Abbott

Il-Prim Ministru Awstraljan Tony Abbott saħaq li jekk l-UE trid issolvi l-problema tal-immigrazzjoni u l-imwiet fil-baħar, għandha tagħmel bħall-Awstralja u tibgħat lura lill-immigranti li jkunu waslu fuq il-kosta tagħha.

Abbott saħaq li l-uniku mezz kif wieħed jista’ jwaqqaf l-imwiet hu billi jwaqqaf lid-dgħajjes milli jaqsmu mill-Afrika ta’ Fuq għall-Ewropa u li dan jista’ jseħħ jekk l-Ewropa ssegwi lill-Awstralja.

F’Settembru tal-2013, l-Awstralja adottat politika li tirrifjuta dgħajjes bl-immigranti u ġġiegħelhom iduru lura qabel ma jaslu fil-kontinent tagħha. In-navy Awstraljana tagħmel rondi fil-baħar u fejn tara dgħajjes b’immigranti ġġiegħelhom iduru lura inkella jmorru f’kampijiet apposta għall-immigranti fil-gżejjer Paċifiċi ta’ Papua New Guinea jew Nauru. Anke każijiet ġenwini ta’ dawk li verament ikunu intitolati għal status ta’ refuġjat ma jitħallewx jidħlu fl-Awstralja.

Waqt li l-politika ta’ Abbott wasslet biex f’dawn it-18-il xahar l-Awstralja ma kellha kważi ebda immigrant, kemm in-Nazzjonijiet Uniti kif ukoll dawk li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem dejjem saħqu li din tikser l-obbligi internazzjonali tal-pajjiż.

Abbott ħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tal-UE biex jadottaw politika iebsa li twaqqaf it-traffikar tal-bniedem fil-Mediterran. Il-Prim Ministru Awstraljan saħaq li l-Ewropa qed tirrifjuta li titgħallem mill-iżbalji tagħha u mill-isforzi ta’ ħaddieħor biex jindirizza problemi simili. Insista li għandhom jitkissru ċ-ċrieki ta’ dawk li jittraffikaw l-immigranti u li dawn għandhom jintbagħtu lura minn fejn ikunu telqu.

Bil-maqlub, Zeid Ra’ad Al Hussein min-Nazzjonijiet Uniti qal li d-diżastru li seħħ fl-aħħar jiem fil-Mediterran hu riżultat tal-fatt li l-Ewropa tat daharha lil uħud mill-iktar persuni vulnerabbli fid-dinja.