Internazzjonali

Maltemp qattiel fl-Istat Awstraljan ta’ New South Wales

Mill-inqas tliet persuni tilfu ħajjithom fl-istat ta’ New South Wales li fl-aħħar sigħat spiċċa straxxnat minn maltemp qawwi.

Il-vittmi – żewġt irġiel u mara – instabu mejtin fl-inħawi ta’ Dungog, lejn it-Tramuntana ta’ Sydney, li spiċċat fost l-agħar zoni effettwati u fejn l-għargħar ġarr miegħu diversi djar. L-aħħar rapporti qalu li mal-215,000 residenza spiċċaw mingħajr dawl f’Sydney u madwar New South Wales, konsegwenza tal-maltemp.

Intant, l-awtoritajiet meteoroloġiċi tal-Awstralja wissew dwar aktar maltemp. Ir-residenti f’Sydney u l-madwar, fil-fatt, qed iħejju għall-irwiefen u xita qawwija wara li l-awtoritajiet irreġistraw diġa’ irwiefen b’veloċità ta’ 135 kilometru fis-siegħa f’numru ta’ zoni.

Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Mike Baird, ħeġġeġ lill-ħaddiema mir-reġjun ta’ Illawarra, lejn in-Nofsinhar ta’ Sydney u mir-reġjun ta’ Hunter, lejn it-Tramuntana, biex jinġabru mal-familja qabel il-maltemp jaqleb għall-agħar.