Mark Cutajar, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport u Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, għandu kunflitt ta’ interess dirett fir-rwoli tiegħu minħabba li jokkupa wkoll il-kariga ta’ Deputat President tal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM).
Dawn iż-żewġt ikpiepel li jilbes Mark Cutajar huma inkompatibbli ma’ xulxin minħabba li joħolqu direttament kunflitt ta’ interess u jkissru ċ-Charter Olimpiku li jagħmilha ċara li l-indipendenza tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali jrid ikun awtonomu u ma jkunx espost għall-ebda forma ta’ pressjoni.
Fil-fatt iċ-Charter Olimpiku jistipula bl-aktar mod dirett li: “Recognising that sport occurs within the framework of society, sports organisations within the Olympic Movement shall have the rights and obligations of autonomy, which include freely establishing and controlling the rules of sport, determining the structure and governance of their organisations, enjoying the right of elections free from any outside influence and the responsibility for ensuring that principles of good governance be applied.”
Barra minn hekk, skont l-istess Charter Olimpiku “The NOCs must preserve their autonomy and resist all pressures of any kind, including but not limited to political, legal, religious or economic pressures which may prevent them from complying with the Olympic Charter.” Is-sorsi li tkellmu magħna fissru li Mark Cutajar, wara l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013, kien fost dawk fil-familja ‘Tagħna Lkoll’ li mill-ewwel bdew igawdu mill-Amministrazzjoni Laburista. Dan ħareġ fi storja pubblikata llum fil-ġurnal in-Nazzjon.
Jirriżulta li minn għalliem tal-Matematika fl-Iskola St. Martin’s minn fejn allura rriżenja, hu ngħata l-kariga ta’ Assistent Personali ma’ Edward Zammit Lewis li dak iż-żmien kien jokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari.
Eventwalment hu ngħata wkoll ir-rwol ta’ Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni mmexxi mill-Ministru Evarist Bartolo. Aktar tard ingħata ħatra oħra f’din il-familja ‘Tagħna Lkoll’ billi nħatar Aġent Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fil-Kunsill Malti għall-Isport fejn hu responsabbli mit-tmexxija tal-istess entità governattiva.
Is-sorsi li tkellmu mal-ġurnal in-Nazzjon fissru li jirriżulta li l-kariga li Mark Cutajar jokkupa bħala Aġent Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fil-Kunsill Malti għall-Isport hi waħda finta minħabba li essenzjalment hu jokkupa r-rwol ta’ Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni minħabba li f’diversi ċirkostanzi hu jiffirma f’dan ir-rwol b’mod uffiċjali, fosthom f’iffirmar ta’ kuntratti.
Is-sorsi, filwaqt li stednuna jindagaw kemm-il salarju qiegħed idaħħal Mark Cutajar – fis-sens hux jitħallas kemm tal-kariga li jokkupa bħala Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni kif ukoll bħala Aġent Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fil-Kunsill Malti għall-Isport – qalulna li ma jeħduhiex bi kbira li fil-verità Mark Cutajar qiegħed jitħallas miż-żewġ entitajiet.
Ta’ min ifakkar li Mark Cutajar, eks-Kap tad-Dipartiment tal-Isport fi ħdan One TV fejn fost l-oħrajn kellu wkoll il-programm ‘L-Argument’, etikament ma jagħmilx sens li jkompli jokkupa rwoli li huma dijametrikament konfliġġenti għal xulxin.
Persuni professjonali li jimmilitaw f’dixxiplini sportivi diversi f’Malta meta mistoqsija minn In-Nazzjon dwar x’jaħsbu dwar dan il-fatt, ikkummentaw li l-Gvern ma jistax jibqa’ jaċċetta ħniżrijiet bħal dawn fejn persuna tokkupa karigi li huma konfliġġenti għal xulxin, fejn waħda hi entità uffiċjali tal-Istat u l-oħra hi organizzazzjoni non-governattiva.
Tajjeb li jingħad li fil-jiem li ġejjin se jkunu organizzati l-elezzjonijiet għall-ħatra tat-tmien membri fi ħdan l-Eżekuttiv tal-Kunsill Olimpiku Malti (KOM). Mark Cutajar f’dawn il-jiem ħa rwol aggressiv ħafna u qiegħed jikkampanja biex jaġevola lil ċerti kandidati li poġġew isimhom għal dawn l-elezzjonijiet.
Jirriżulta li saħansitra biex ikunu aġevolati ċerti kandidati saru laqgħat f’wieħed mill-uffiċċji tal-Kunsill Malti għall-Isport fil-Kottonera fejn f’dawn il-laqgħat Mark Cutajar uża l-influwenza tiegħu biex jippromwovi lil dawn il-kandidati.
Ta’ min jgħid li r-regoli taċ-Ċivil jistipulaw bl-aktar mod ċar kif ħadd – jokkupa liema kariga jokkupa – ma jista’ jagħmel xogħol privat f’postijiet tal-Gvern.
F’dawn il-laqgħat Mark Cutajar jirriżulta li uża lingwaġġ dirett u aggressiv biex lil ċerti kandidati saħansitra talabhom jirtiraw in-nomina tagħhom jew inkella joħorġu bħala kandidati indipendenti u mhux f’alleanza ma’ kandidati oħra.
Jirriżulta li għal dawn l-elezzjonijiet qed jikkontestaw prinċipalment żewġ blokki ta’ kandidati – wieħed appoġġjat direttament minn Mark Cutajar u l-ieħor magħmul minn numru ta’ individwi indipendenti li qed jikkontestaw dawn l-elezzjonijiet għaliex verament iridu jagħtu servizz ġenwin lill-isport.
F’dawn l-elezzjonijiet huma eliġibbli li jivvutaw ftit aktar minn tmenin delegat li jirrappreżentaw 42 Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Isport.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li għall-ewwel darba minn kemm ilu jiffunzjona l-Kunsill Malti għall-Isport – jiġifieri madwar għoxrin sena – għandu dan il-kunflitt ta’ interess li qed iwassal għall-ksur taċ-Charter Olimpiku u għall-awtonomija u l-politiċizzazzjoni tal-isport f’pajjiżna.
Qatt qabel ma kienet teżisti sitwazzjoni fejn il-prinċipji fundamentali Olimpiċi u dawk ta’ governanza sportiva kienu daqstant imkażbra. Għax ma jistax ikun li jkollok persuna fil-kariga ta’ Aġent Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta’ din l-entità governattiva li tkun tokkupa wkoll kariga għolja f’entità oħra non-governattiva.
//= $special ?>