Ewropa Lokali

Ministri Ewropej jaqblu dwar pjan ta’ 10 punti bi tweġiba għat-traġedja fil-Mediterran

Ministri tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern tat-28 pajjiż membru tal-UE ltaqgħu f’Lussemburgu dalgħodu f’laqgħa straordinarja wara dak li seħħ fl-aħħar jiem li wassal għall-għarqa ta’ madwar 900 persuna fil-Mediterran.

Il-Ministri kollha qablu dwar pjan ta’ 10 punti, ippreżentat mill-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitiris Avramopoulous, bi tweġiba għat-traġedja tal-aħħar jiem.

L-għaxar punti issa mistennija jitressqu quddiem il-Kunsill Ewropew li se jitlaqqa’ b’mod straordinarju wkoll, nhar il-Ħamis.

Il-punti huma:
1. Jissaħħu l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ konġunti fil-Mediterran u titkabbar iż-żona ta’ tiftix;
2. Ikun hemm sforz sistematiku biex jinqabdu u jinqerdu l-bastimenti użati mit-traffikanti;
3. Europol, Frontex, Easo u Eurojust għandhom jaħdmu flimkien biex jiġbru iktar informazzjoni dwar it-traffikanti;
4. Easo għandha tibgħat skwadri fl-Italja u fil-Greċja fejn jiġu pproċessati applikazzjonijiet għall-ażil;
5. L-istati membri tal-UE għandhom jassiguraw li jittieħdu l-marki tas-swaba’ tal-immigranti kollha;
6. Għandhom jiġu kkunsidrati għażliet oħra għall-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni f’każ ta’ emerġenza;
7. Għandu jkun hemm proġett pilota fuq bażi volontarja mifruxa mal-UE kollha biex immigranti jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor;
8. Għandu jkun hemm programm ġdid għal ritorna ta’ malajr għall-immigranti irregolari;
9. Għandu jkun hemm ħidma ma’ pajjiżi li jdawru lil-Libja;
10. F’pajjiżi terzi, għandhom jintbagħtu uffiċċjali apposta mill-uffiċċji tal-immigrazzjoni biex jiġbru informazzjoni dwar l-influss tal-immigrazzjoni.

Malta kienet preżenti permezz tal-Ministri George Vella u Carmelo Abela li laqgħu l-qbil dwar l-għaxar punti.

Anke s-Segretarju Parlamentari Ian Borg, li mexxa delegazzjoni Maltija f’laqgħa f’Lussemburgu, ukoll laqa’ l-ftehim milħuq u rringrazzja lill-European External Action Service għall-impenn tiegħu fl-aħħar sigħat. Ħeġġeġ b’mod qawwi biex l-impenn issa jinbidel f’azzjoni konkreta biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bniedem.