“L-Għan aħħari ta’ kull politiku li għandu għal qalbu l-vera ġid ta’ kull minoranza fis-soċjeta’ hu li jipprovdi opportunitajiet indaqs lil kull bniedem.”
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Opposizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil meta indirizza attivita’ organizzata mill-Forum Opportunitajiet Indaqs tal-PN (FOIPN) bħala parti mill-attivitajiet Pride li t-tema ta’ din is-sena hi Free to be me.
Simon Busuttil kompla li l-liberta’ hi waħda mill-għodod meħtieġa sabiex persuni, meqjusa bħala inviżibbli fis-soċjeta’, jingħataw vuċi, opportunita’ u viżibilita’. Li jingħataw iċ-ċans biex b’mod liberu jesprimu min verament huma.
Hu kompla li filwaqt li l-liġi dwar l-identita’ tal-ġeneru – li għaddiet b’mod unanimu mill-Parlament – hi pass importanti biex jiġu ndirizzati prattiċi diskriminatorji fil-konfront ta’ persuni trans, il-kejl ewlieni ta’ kemm hi avvanzata is-soċjeta’ jibqa’ fit-tagħlim.
Saħaq li l-approvazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ liġijiet fil-Parlament m’għandhomx jitqiesu bħala pass konklussiv iżda bħala bidu ta’ politika mifruxa li tassigura l-inklużjoni vera ta’ persuni LGBTI f’kull livell tas-soċjeta.
“L-edukazzjoni fuq kwalunkwe tip ta’ diversita’ tibqa’ ċ-ċavetta ewlenija li tissarraf f’soċjeta’ li tkun kapaċi tirrispetta individwu għal dak li hu, bla ma tqis id-differenza bħala xkiel,” sostna l-Kap tal-PN.
Hu rringrazzja lir-rappreżentanti ta’ numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li wieġbu għall-istedina tal-FOIPN. L-Attivita’ kienet organizzata mis-sottokumitat tal-Forum Opportunitajiet Indaqs dwar temi relatati mal-orjentament sesswali u identita’ tal-ġeneru.
Fir-riċeviment kien hemm ukoll wirja ta’ arti minn Kevin Busuttil, wirja fotografika minn Gilbert Calleja. Dan kollu fl-isfond ta’ mużika jazz.
//= $special ?>