L-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM) esprimiet ir-rabja tagħha għall-aħħar traġedja fil-Mediterran, fejn hu stmat li kien hemm mad-900 persuna, inkluż tfal, nisa u rġiel, li tilfu ħajjithom fil-baħar ’il barra mill-kosta tal-Libja huma u jaqsmu lejn l-Ewropa.
L-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran qalet li ftit xhur ilu, wara t-traġedja li seħħet barra Lampedusa, kien hemm wegħda solenni u kollettiva li l-Mediterran ma kellux iwassal għal iktar imwiet. L-Assemblea nsistiet li l-uniku soluzzjoni hi fi sforz kollettiv u kuraġġuż mill-komunità internazzjonali li tindirizza l-għeruq tal-problema, mhux l-immigrazzjoni imma l-iskjavitù modern li qed isir minn kriminali professjonisti li jittraffikaw il-bnedmin.
Il-PAM insistiet li d-dinja tal-Punent ma tistax taċċetta l-isfruttar ta’ persuni vulnerabbli li meta jħallsu ċifra stabbilita, qed jiġu mwegħda ħajja aħjar li għal ħafna tirriżulta f’“avventura traġika”.
Għalhekk qed tappella għal azzjoni konkreta waqt li tistieden lil mexxejja Ewropej biex isaħħu l-assistenza, is-solidarjetà u s-sostenn tagħhom lil pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa, li diġà qed jagħmlu kull ma jippermettu r-riżorsi tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet.
//= $special ?>