Lokali

Żagħżugħ bi strajk tal-ġuħ fl-Isptar Monte Karmeli jikkunsidra ma jixrobx ukoll

Żagħżugħ, li bħalissa għaddej bi strajk tal-ġuħ, qed jikkunsidra li jħarrax il-mod tiegħu ta’ protesta billi, minbarra li ma jikolx, ma jixrobx.

Daniel Lanzon, li hu pazjent fl-isptar Monte Karmeli, ilu ma jikolx minn nhar is-Sibt li għadda. Qed jisħaq li jekk l-awtoritajiet tal-Isptar ma jiħdux azzjoni fuq permess li tneħħielu mingħajr raġuni, se jibda ma jixrobx ukoll.

Iż-żagħżugħ spjega li hu kien imur għal terapija f’dar tal-patrijiet fejn jinżammu tfal mingħajr dar. Qal li biex jagħmel dan kellu permess speċjali, li tneħħielu minn nhar il-Ġimgħa filgħaxija. Saħaq li l-permess qatgħuhulu minħabba dik li qed jallega hi akkuża falza minn konsulent li kien “dejjem jheddu” għax hu kien ressaq rikors fil-konfront tiegħu biex jinbidel il-konsulent.

Lanzon qed jinsisti li hu l-konsulent li akkużah li ġera “ġiri sfrenat bil-karozza”, li dan mhux veru u li hu għandu x-xhieda tal-istess patrijiet li dak il-ħin kien fil-bini u li ħareġ biss biex jagħmel xi qadjiet.

Iż-żagħżugħ qed jappella lill-awtoritajiet tal-isptar biex jieħdu azzjoni għaliex sa dalgħodu kienu għaddew 42 siegħa minn xħin beda l-istrajk tal-ġuħ u ħadd ma intervjena.