Il-Prosekuturi fl-Italja qalu li l-kaptan Tuneżin tad-dgħajsa li għerqet, fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, b’mijiet ta’ immigranti abbord, kien iggwida d-dgħajsa ‘bi żball’ għal ġo vapur merkantili li kien mar fiz-zona biex jipprovdi l-għajnuna
Intant, il-Kaptan, Mohammed Ali Malek, qed ikun akkużat b’omiċidju tal-massa dovut għal negliġenza u talli kkaġuna t-traġedja. Malek issemma wkoll bħala ‘kompliċi fl-immigrazzjoni illegali’ — b’din l-akkuża titressaq fil-konfront tas-Sirjan Mahmud Bikhit, is-sieħeb ta’ Malek li wkoll salva mill-għarqa.
Filwaqt li għad ma tressqux l-akkużi formali fil-konfront ta’ Malek u Bikhin — il-kollaboratur ewlieni tiegħu waqt il-vjaġġ traġiku — mifhum li dawn it-tnejn se jidhru l-qorti nhar il-Ġimgħa.
Skont il-prosekuturi jidher li hemm żewġ versjonjijiet tat-traġedja.
Fl-ewwel każ potenzjali qed jingħad li l-Kaptan Tuneżin kien ipprova jiggwida d-dgħajsa (li kienet isservi bħala trawler tas-sajd) qrib il-vapur merkantili (irreġistrat il-Portugall) u fejn ikkaġuna l-ħabta biż-żball.
It-tieni versjoni hi li d-dgħajsa tant kienet iffullata bil-mijiet tal-immigranti li inqalbet ‘b’kaġun tal-manuvra żbaljata tal-Kaptan’.
Il-Prosekutur Ewlieni Taljan, Giovanni Salvi, qal li ċ-ċifra tal-mewt ‘tal-mijiet’ f’din it-traġedja rriżultat mill-ammont kbir tal-immigranti li kienu msakkrin fil-parti t’isfel tad-dgħajsa.
Fil-vjaġġ ta’ tmiem il-ġimgħa għerqu mill-inqas 800 immigrant lejn in-Nofsinhar ta’ Lampedusa. Malek u Bikhit kienu fost is-27 persuna li ttellgħu fuq il-bastiment ‘Bruno Gregoretti’ tal-gwardjani tal-kosta Taljani li, sigħat ilu, wassalhom Sqallija, wara waqfa qasira f’Malta.
L-akkużi kontra tagħhom tressqu wara li l-Unjoni Ewropea fasslet pakkett ta’ miżuri biex tipprova tnaqqas il-kriżi tal-immigranti fil-Mediterran. L-aħħar rapporti qalu li l-missjonijiet tat-tiftix u salvataġġ se jiżdiedu f’din iz-zona tal-baħar, u se jkun hemm ukoll kampanja intiża biex jinqerdu d-dgħajjes tat-traffikanti tal-immigranti.
In-nies li salvaw mit-traġedja barra Lampedusa, bħalissa, qed jinżammu taħt għassa f’dar fiċ-ċentru għall-immigranti ta’ Mineo u qed jitqiesu bħala l-aktar xhieda importanti fl-investigazzjoni kriminali dwar id-destin tal-mijiet li għerqu.
Hu maħsub li kien hemm mat-350 persuna mill-Eritrea fost l-immigranti fuq id-dgħajsa ta’ Malek, u oħrajn Sirjani, Somali, mis-Senegal u mill-Etjopja.
Il-kelliema għall-International Organization for Migration (IOM) qalu li n-numru tal-immigranti li qed imutu waqt l-vjaġġi illegali mill-Mediterran jista’ jitla’ għal 30,000 din is-sena, jekk tkompli din ir-rata ta’ inċidenti fuq il-baħar.
F’każ ieħor separat, kellhom jitressqu quddiem il-prosekuturi żewġ persuni li salvaw minn dgħajsa mgħobbija bl-immigranti u li inkaljat lil hinn mill-gżira Griega ta’ Rodi.
Hu mifhum li ż-żewġt irġiel, it-Tnejn Sirjani, kienu responsabbli mid-dgħajsa inkwistjoni u għandhom jiffaċċjaw l-akkużi konnessi mat-trasport illegali ta’ madwar 90 persuna lejn il-Greċja. L-istess żewġt irġiel għandhom jiffaċċjaw ukoll l-akkużi rigward l-imwiet ta’ tlieta fost il-passiġġieri tagħhom.
//= $special ?>