Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela abbużi mill-aktar serji ta’ għoti ta’ direct orders għal xiri ta’ biljetti tal-ajru mill-Kumitat Olimpiku Malti (KOM). Jirriżulta li matul ix-xhur li għaddew, il-KOM ħareġ b’mijiet ta’ eluf ta’ ewro f’xiri dirett ta’ biljetti tal-ajru mingħand aġenzija tal-ivvjaġġar partikulari.
Minn stħarriġ li għamel In-Nazzjon jirriżulta li qabel ma bdew dawn l-abbużi sfaċċati, il-KOM kien jitlob il-kwotazzjonijiet għal xiri ta’ biljetti tal-ajru lil mill-anqas tliet aġenziji tal-ivvjaġġar u skont il-prezzijiet u l-pakketti li kien jiġi offrut skont id-destinazzjoni, kien jiddeċiedi dejjem fuq bażi kummerċjali.
Madankollu, minn numru ta’ xhur ilu ‘l hawn, dan il-proċess inbidel kompletament u issa hi aġenzija tal-ivvjaġġar waħda li qed tgawdi minn dawn id-direct orders, li jammontaw għal eluf kbar ta’ ewro. Fuq bażi regolari, il-KOM ikollu bżonn numru kbir ta’ biljetti tal-ajru minħabba l-parteċipazzjoni f’logħob u f’avvenimenti sportivi li sportivi Maltin jipparteċipaw fihom lil hinn minn xtutna.
Jirriżulta li wieħed mid-Diretturi tal-KOM hu Manager fl-istess kumpanija tal-ivvjaġġar, filwaqt li Mark Cutajar (ritratt), l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport u Konsulent fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, li jokkupa wkoll il-kariga ta’ Viċi President tal-KOM, kien jaħdem part-time u jmexxi t-tours mal-istess kumpanija tal-ivvjaġġar.
//= $special ?>