Lokali

Aġġornata: Fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ żewġ sulari bil-karozza, qasamlu xi ħadd bl-addoċċ u tilef il-kontroll tal-vettura

Raġel ta’ 52 sena residenti x-Xgħajra sofra feriti gravi u jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu wara li waqa’ bil-karozza b’kollox minn għoli ta’ madwar żewġ sulari.

Jirriżulta li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am meta r-raġel kien qed isuq il-karozza fi triq fil-ġenb ta’ barriera fl-inħawi ta’ Kordin f’Raħal Ġdid. Minn informazzjoni li għandu MaltaRightNow.com jirriżulta li f’ħin minnhom, persuna ħarġitlu f’nofs it-triq biex taqsam u biex jevita li jtajjarha, ir-raġel ġibed il-karozza tiegħu lejn il-ġenb, iżda sfortunatament waqa’ mill-għoli.

Minħabba d-daqqa li qalgħet, ir-raġel ma setax jinħareġ mill-vettura. Għaldaqstant, kien mitlub l-intervent ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li ħarġuh mill-karozza qabel ma ttieħed l-Isptar għal aktar kura. Hemm, hu kien iċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi u li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.

Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid qed jinvestigaw il-każ.