Internazzjonali Kurżitajiet

Asterojde jgħaddi ‘qrib’ id-dinja

Bejn it-Tlieta u l-Erbgħa asterojde, li għadu kif ġie identifikat, mistenni jgħaddi 75,000 kilometru qrib id-dinja għalkemm mingħajr ebda periklu.

L-asterojde ngħata l-isem ta’ 2015 HD1 u d-distanza tiegħu mid-dinja hi mistennija li tkun dik ta’ ħames darbiet inqas minn kemm hu mbiegħed il-qamar. Id-dehra tiegħu mistennija tkun waħda spettakolari tant li fuq l-internet, diversi siti li jispeċjalizzaw fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija mistennija jagħtu xandira diretta.

L-iktar mument qrib id-dinja mistenni jkun għall-ħabta tal-10.00 ta’ filgħodu t’għada imma mhux la kemm wieħed jarah minħabba d-dawl tax-xemx. Hu probabbli li l-iktar ħin li wieħed jista’ jarah se jkun illejla għall-ħabta tal-11.30 għalkemm il-veloċità tiegħu, ta’ 60,000 kilometru fis-siegħa, se tagħmilha diffiċli li wieħed jarah.

L-asterojde ġie skopert biss jumejn ilu u hu stmat li għandu kobor ta’ 15-il metru, simili ħafna għal dak li sploda fi Frar tal-2013 fir-Russja. Din id-darba però, m’hemm ebda riskju ta’ impatt mad-dinja.