Lokali

Herrera: “wieħed jinterpreta r-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali kif jaqbillu”

Jumejn wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ jiftaħar bir-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, u dan minkejja li l-Partit Laburista tilef sew fil-fiduċja mill-poplu Malti u Għawdxi, s-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera ammetta li wiehed jinterpreta r-riżultat tal-elezzjoni kif jaqbillu – xi ħaġa li jidher li qed jagħmel Joseph Muscat biex jagħti l-impressjoni li l-Partit Laburista ma naqqasx mill-fiduċja.

Fl-istess twegibiet tiegħu, Jose’ Herrera kompla mal-attitudni tal-Prim Ministru li minkejja li d-distakk naqas bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista naqas bin-nofs, ħareġ jgħid li r-riżultat huwa wieħed storiku. Anzi, Jose’ Herrera qal li r-riżultat juri kemm il-Gvern huwa b’saħħtu.

Minkejja li l-Partit Laburista naqqas il-persentaġġ tal-voti minn 57 fil-mija ghal 53 fil-mija – tnaqqis ta’ 4 fil-mija – Jose’ Herrera qal li l-Partit Laburista zamm l-appoġġ li kellu.

 
Fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Partit Nazzjonalista żied total ta’ 14,000 vot – ħafna minnhom fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta – fejn il-Partit Laburista naqqas sostanzjalment f’lokalitajiet bhal Marsaxlokk, Birżebbuġa, l-Marsa, Ħal Kirkop, Santa Luċija. Madanakollu, skont Jose’ Herrera, r-riżultat tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ma tawx skossjatura lill-Gvern.

 
Fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Partit Nazzjonalista naqqas id-distakk bin-nofs minn mal-Partit Laburista – minn 17.3 fil-mija ghal 8.9 fil-mija.