Lokali

Il-Gvern jerġa’ jinqabad jigdeb fl-iskandlu tal-Cafe’ Premier

L-istqarrija li ħareġ aktar kmieni llum l-Gvern tikkonferma li l-istess Gvern Laburista ħallas is-somma ta’ €4.2 miljun lis-sid ta’ Cafe’ Premier biex jieħu lura dan il-bini tal-Gvern mingħajr ma kellu idea x’se jagħmel bl-istess bini.

 

Dan kollu jikkonferma kemm l-Oppożizzjoni kellha raġun li tiddeskrivi l-ħlas ta’ €4.2 miljun mill-Gvern bħala skandlu bl-intervent personali u dirett tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Xi ħadd serju l-ewwel jagħmel studju imbagħad jagħti €4.2 miljun lil kumpanija falluta. Huwa inspjegabbli kif il-Gvern ħareġ din is-somma mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi qabel ma għamel studju dwar x’jista’ jsir mill-istess bini.

 

Il-fatt li l-Gvern dam kważi sena u nofs biex jibda jevalwa x’jista’ jagħmel bil-bini tal-Cafe’ Premier jikkonferma li Muscat ħareġ €4.2 miljun għax tkellem diversi drabi mas-sid tal-kafeterija fis-sigriet u mingħar uffiċjali pubbliċi mill-Finanzi jew mil-Lands.

 

Meta faqqa’ l-iskandlu, il-Prim Ministru ħareġ jiddefendi lilu nnifsu billi qal li s-somma ta’ €4.2 miljun ħariġha biex jagħmel proġett kulturali b’rabta mal-Valletta 2018. Issa – ftit ġimgħat biss wara – qed joħroġ fiċ-ċar li d-dikjarazzjoni ta’ Muscat kienet biss gidba, għaliex il-Gvern m’għandu l-ebda idea dwar x’se jagħmel bil-bini tal-Cafe’ Premier imma kellu jinkariga 7 persuni biex jgħidulu huma x’jista’ jagħmel – kważi sena u nofs minn kemm ilu l-Gvern li akkwista lura dan il-bini.

 

Fi Frar li għadda, il-Gvern ta’ Joseph Muscat ġie kkundannat mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għall-mod kif mexxa l-proċess fl-akkwist tal-Cafe’ Premier għas-somma ta’ €4.2 miljun mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi.