Wara li l-bieraħ ħarġet l-aħbar li l-grupp Panta Lesco se jkeċċi numru ta’ ħaddiema, il-UĦM fi stqarrija esprimiet solidarjeta’ mal-ħaddiema li se jitkeċċew, li huma madwar 70.
Fl-istqarrija l-UĦM qalet li wara li ġiet avviċinata mill-management b’din is-sitwazzjoni, il-UĦM permezz tat-taqsima Manifattura u Kummerċ ħadet l-inizjattivi kollha meħtieġa u daħlet f’kuntatt mal-kumpanija biex tagħmel numru ta’ laqgħat biex tifhem u tara fejn tista’ tkun ta’ għajnuna. Filwaqt li talbet lill-kumpanija sabiex jagħtuha aktar dettalji, il-UĦM qed tavviċina wkoll lil-ħaddiema li jistgħu jiġu affettwati bil-għan li ssaħħaħ it-tentattivi tagħha ħalli tinstab soluzzjoni mill-aktar fis possibli.
Intant it-Tnejn li għadda l-General Workers Union bgħatet ittra lill-ħaddiema membri tagħha. Ittra li fiha hemm miktub l-ismijiet ta’ dawk li se jitkeċċew u li huma membri tal-GWU.
Jirriżulta li r-raġuni għat-tkeċċija ta’ dawn il-ħaddiema hi għaliex l-grupp naqsulu l-ordnijiet. B’kollox din il-kumpanija kienet tħaddem madwar 260 persuna.
Il-grupp Panta Lesco jaħdem fil-qasam ta’ servizzi tal-bini u jispeċjalizza f’servizzi ta’ inġinerija mekkanika u installazzjonijiet elettriċi, tal-ilma u liftijiet.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista, permezz tal-kelliem għan-negozji żgħar u s-self employed, Robert Arrigo, esprimiet solidarjeta’ mal-ħaddiema u l-qraba tagħhom filwaqt li appellat lill-gvern sabiex jieħu azzjoni u jindirizza s-sitwazzjoni mill-aktar fis possibbli.
Ritratt : L-ittra li rċevew ħaddiema ta’ Panta Lesco
//= $special ?>