Internazzjonali

Imxejna attakki fuq il-knejjes f’Pariġi

Raġel Alġerin kien arrestat mill-Pulizija Franċiża fuq suspett li kien qed jippjana attakki terroristiċi fuq xi knejjes fil-belt kapitali Franċiża.
Ir-raġel kien imfittex b’rabta ma’ qtil ta’ mara ftit ġranet ilu u l-Pulizija sabitu wara li ndarab b’tir ta’ arma tan-nar.
Bernard Cazeneuve, il-Ministru tal-Intern Franċiż, qal li r-raġel kien magħruf mas-servizzi tas-sigurtà Franċiżi u ried ukoll jivvjaġġa lejn is-Sirja biex jiġġieled mal-militanti hemmhekk. Hu qal li meta l-Pulizija daħlu fl-appartament tiegħu, minbarra kwantità kbira ta’ armi, sabu kitba li ma tħalli ebda dubju li hu kien qed ilesti biex iwettaq attakk terroristiku mill-inqas fuq knisja waħda, u aktarx tnejn, f’Pariġi.
Manuel Valls, il-Prim Ministru Franċiż, qal li Franza kienet fil-mira tat-terroristi għaliex dawn riedu jifirdu l-poplu Franċiż.