Ir-riċerkaturi fil-qasam tas-saħħa qalu li qed jiżbaljaw bil-kbir dawk in-nies li jpejpu u li jaħsbu ‘li ftit sigaretti kuljum’ m’humiex se jaffettwawlhom saħħithom. Dan wara studju li analizza r-riżultati ta’ stħarriġ, fi Franza, li ħadu sehem fih madwar 1,600 persuna li għandhom bejn l-40 u l-75 sena.
It-tobba fi Franza sabu li terz tal-persuni bil-vizzju tat-tipjip sostnew li ‘n-nies li jpejpu għaxar sigaretti kuljum m’humiex assoċjati ma’ kwalunkwe sogru li jiżviluppaw kanċer fil-pulmun, ‘il quddiem f’ħajjithom’.
Intant, kienu biss nofs il-persuni li jpejpu li kkunsidraw li qed jissugraw ‘aktar minn ħaddieħor’ li jiżviluppalhom il-kanċer minħabba l-vizzju.
Fl-istess ħin, anqas minn żewġ-terzi tan-nies li wieġbu għall-mistoqsijiet speċifiċi kienu jafu li s-sogru tal-kanċer fil-pulmun jibqa’ ‘hemm’ anki ladarba huma jkunu waqfu mit-tipjip.
Dan meta t-tobba wissew li ‘l-battalja kontra t-tabakk’ trid tkompli għat-tul taż-żmien meta ħafna mill-persuni li jpejpu għadhom jiċħdu għall-perikli assoċjati mal-vizzju — u minkejja l-kampanji għall-ħarsien tas-saħħa li ilhom għaddejjin għall-għexieren tas-snin.
//= $special ?>