L-NGO ambjentali Flimkien għal Ambjent Aħjar esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-pubblikazzjoni mill-Gvern tal-Avviż Legali 124 tas-sena 2015, li jippermetti li l-Awtorità Maltija tal-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) tnaqqas il-multi imposti għal żvilupp abbużiv li mhux skond il-liġi.
FAA qalet li dan hu pass lura wara l-introduzzjoni fis-sena 2011 ta’ multi ta’ kuljum, fejn qabel dik is-sena l-multa massima kienet tammonta għal Lm50,000 biss.
Il-Gvern, qalet FAA fi stqarrija, issa qed jistieden lil min abbuża biex jikteb sottomissjoni li fiha jindika “ir-raġuni jew raġunijiet għala l-multa stabbilita m’għandhiex titħallas, kif ukoll kif għandha tinbidel il-multa.”
L-NGO staqsiet minn meta sirna nippermettu lil min jikser il-liġi li jiddeċiedi l-kastig tiegħu hu stess.
L-għaqda ambjentali qalet li filwaqt li l-MEPA se twaqqaf kumitat biex jittratta dawn is-sottomissjonijiet, ma ġew ippubblikati l-ebda viżjoni politika jew parametri biex jiggwidaw lil dan il-kumitat b’mod ekwu u responsabbli.
Iżjed minn hekk, tkompli l-istqarrija ta’ FAA, dan l-Avviż Legali nħareġ mill-Gvern direttament, u mhux mill-MEPA, u għaldaqstant qatt ma tressaq għall-konsultazzjoni pubblika, li ġiet skartata kompletament.
Din, qalet l-NGO, hi tattika inkwetanti ferm, u li diġà kienet ġiet użata meta l-Gvern kien stieden lill-iżviluppaturi biex jissottomettu proġetti għal reklamazzjoni tal-art, filwaqt li warrab fil-ġenb il-ħtieġa li jiġu ppubblikati linji gwida li jkunu suġġetti għal konsultazzjoni u għall-iskrutinju tal-Unjoni Ewropea.
Wara l-amnestija għal min kien bena illegalment mħabbra fi Frar li għadda u li hija ntiża biex tissanzjona sa 10,000 żvilupp illegali li kienu ġew imwettqa żmien twil ilu, dan l-aħħar tnaqqis ta’ multi se jssaħħaħ il-messaġġ politiku li f’Malta l-kriminalità tirbaħ, qalet Flimkien għal Ambjent Aħjar.
FAA fakkret ukoll kif f’Ottubru l-MEPA ħabbret politika ġdida li neħħiet l-obbligu għall-iżviluppaturi li jiksbu l-kunsens ta’ mill-inqas 75% tal-ġirien f’każi ta’ tibdil fit-tqassim ta’ zoni jew fl-allineament tat-toroq. U staqsiet dan sarx biex jiffaċilita l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-iżvilupp, jew inkella biex jiġu aġevolati l-iżviluppaturi?
Fakkret ukoll li l-ġimgħa li għaddiet il-MEPA ħabbret tnaqqis fir-rekwiżiti meħtieġa fir-rigward tad-Dikjarazzjonijiet dwar l-Impatt tat-Traffiku biex bosta proġetti kbar li kienu jeħtieġu Dikjarazzjoni sħiħa tal-Impatt tat-Traffiku issa jeħtieġu biss dik li qed tissejjaħ ‘Stqarrija Simplifikata’, u dan biex jitnaqqas il-piż fuq l-iżviluppaturi.
FAA qalet li dawn il-manuvri politiċi kollha u l-Avviżi Legali għandhom l-għan waħdieni li jiġi ffaċilitat aktar żvilupp, bla ebda konsiderazzjoni fit-tul għall-ambjent Malti jew għall-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
Bħallikieku biex jipprova dan il-punt – tkompli FAA – illum il-Bord tal-MEPA se jiddibatti applikazzjonijiet għall-bini ta’ boathouses fid-Dwejra Għawdex, li kienu diġà ġew rifjutati fis-sena 2011. Dawn il-każi kienu għaddejjin mit-Tribunal tal-Appell u kif issa se jerġgħu jiġu kkunsidrati mill-Bord tal-MEPA hija ħaġa li ma tinftiehemx.
Wara dan kollu, ittemm tgħid FAA, id-49% tal-Maltin li huma diżillużi bir-rekord tal-Gvern fil-qasam ambjentali żgur li se jkomplu jiżdiedu.