Lokali

L-elettorat jidher li qed jerġa’ jagħżel lill-Partit Nazzjonalista – is-soċjologu Andrew Azzopardi

L-elettorat, f’numru ta’ lokalitajiet f’Malta, jidher li bil-mod il-mod, qed jerġa’ jagħżel il-Partit Nazzjonalista. Dan iddikjarah is-soċjologu u preżentatur tal-programm Għandi Xi Ngħid fuq Radju Malta Andrew Azzopardi f’artiklu li kiteb fuq il-ġurnal The Malta Independent, ftit tal-jiem wara l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, li rat id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista jonqos bin-nofs.

Hu interessanti, sostna Andrew Azzopardi, li wieħed jagħmel analiżi ta’ din ix-shift mill-Partit Laburista għall-Partit Nazzjonalista – jekk dawn humiex votanti tal-Partit Laburista li huma mdejqin mill-Gvern, jekk humiex floaters li reġgħu bdew jagħżlu lill-Partit Nazzjonalista, jekk humiex votanti tal-Partit Nazzjonalista li reġgħu bdew joħorġu jivvutaw, jew inkella ż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u s-17-il sena. Li hu ċar, sostna Andrew Azzopardi, hu li s-swing f’Malta hija konsistenti fil-maġġoranza assoluta tal-lokalitajiet fejn saret l-elezzjoni.

Filwaqt li jgħid li fil-passat kien kritiku tal-Partit Nazzjonalista, Andrew Azzopardi jgħid li fil-kampanja elettorali tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, l-Partit Nazzjonalista kkampanja ma’ dawk li sejħilhom bħala grassroos. Hu jgħid li kien hemm numru kbir ta’ kandidati u Deputati li kienu mmobilizzati u li ffukaw fuq il-kuntatt ma-nies.

Is-soċjologu jgħid li hemm raġuni oħra għaliex l-elettorat reġa’ beda jagħżel lill-Partit Nazzjonalista- u din hi t-tip ta’ kampanja li prova jagħmel il-Partit Laburista li jirredikola l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Filwaqt li l-kritika hija ġustifikata, qal Andrew Azzopardi, diskors dispreġġjattiv jagħmel il-ħsara. Hawnhekk, Andrew Azzopardi kkwota lill-eks Membru Parlamentari Malti u Ewropew f’isem il-Partit Laburista Joseph Cuschieri – li qal li l-Partit Laburista għandu jieqaf jirredikola u jissotovaluta lil Dr Simon Busuttil u lill-Partit Nazzjonalista.

Andrew Azzopardi kompla jgħid li l-agħar ħaġa li jista’ jagħmel il-Partit Laburista hu li jissotovaluta lil Simon Busuttil… u li fi tliet snin oħra, Simon Busuttil se jkun kapaċi jikkompeti bis-sħiħ ma’ Joseph Muscat.