Hekk kif il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi l-Erbgħa indirizza l-Parlament Taljan qabel is-summit speċjali il-Ħamis tal-Unjoni Ewropea, hu qal li fl-isfond ta’ dak kollu li qed jiġri fl-ibħra bejn l-Italja u l-Libja, mhux qed jeskludi imblokk navali madwar il-kosta Libjana.
Hu qal li kien faċli li wieħed jgħid li l-immigranti għandhom ikunu salvati jew inkella li dawn jintbagħtu lura, imma quddiem sitwazzjonijiet bħal dawn wieħed ma riedx iħalli l-emozzjonijiet jirkbuh, iżda jkun meħtieġ li ssir ħidma biex ikun hemm soluzzjoni aħħarija. Renzi qal li s-soluzzjoni għandha bżonn pjan strateġiku u trid tkun waħda politika.
Hu qal ukoll li dawk li kienu qed jivvjaġġaw fil-Mediterran bil-baħar lejn l-Ewropa ma kinux biss familji innoċenti, għaliex kien hemm persuni oħrajn imħalltin magħhom. Qal ukoll li l-ħidma kontra t-terroriżmu ġej mit-Tramuntana tal-Afrika kellha tiżdied.
Renzi qal li mill-Unjoni Ewropea qed jistenna azzjoni konkreta bħalma kien sar fil-konfront tal-atti ta’ piraterija barra mill-kosta tas-Somalja ftit snin ilu. L-Unjoni Ewropea kienet bagħtet flotta ta’ bastimenti tal-gwerra biex isibu tarf il-pirati Somali li kienu kontinwament jattakkaw bastimenti tal-merkanzija li kienu jbaħħru fl-inħawi. Hu qal ukoll li l-istess passi li kienu ttieħdu kontra l-pirati għandhom jibdew jittieħdu kontra dawk li jorganizzaw il-vjaġġi tal-immigranti fil-Mediterran.
Renzi żied li hemm bżonn li wieħed jagħraf li din hi gwerra kontra t-traffikanti tan-nies u fl-istorja tal-bniedem l-uniku eżempju simili kien l-iskjavitù.
Mhux qed jeskludi imblokk navali barra l-Libja
