Lokali

Mijiet f’mixja siekta ta’ solidarjeta’ mal-vittmi tal-immigrazzjoni

Mijiet ta’ persuni u l-awtoritajiet tal-pajjiż, ingħaqdu flimkien  f’San Ġiljan u Tas-Sliema biex jesprimu s-solidarjeta’ mal-immigranti u juru s-sogħba tagħhom għall-mewt tal-mijiet ta’ immigranti li mietu mgħarrqa fil-Mediterran fl-aħħar ġranet.

B’xemghat f’idejhom, Maltin, barranin u immigranti li jgħixu f’Malta imxew flimkien fis-skiet iżda b’determinazzjoni li jibgħatu messaġġ lill-pajjiżi Ewropej u lill-komunita internazzjonali biex jittieħdu l-azzjonijiet meħtiega biex ma jerġa’ jkun hemm qatt traġedji ta’ din x-xorta.

Fost il-partecipanti, lkoll b’vuċi waħda u messaġġ komuni kien hemm il-Preisdent ta’ Malta Marie Lousie Coleiro Preca, il-kap tal-Oppozizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil u l-Ambaxxatur Amerikan għal Malta Gina Abercrombie-Winstanley.

Minbarra x-xemgħat, il-parteċipanti ġarrew kartelluni b’messaġġi kontra l-fruntieri u favur l-integrazzjoni u mxew flimkien ma’ immigranti li wara kull wieħed u waħda minnhom hemm storja differenti ta’ tbatija.