Lokali Unjoni Ewropea

Tliet gruppi politiċi jsostnu li l-UE teħtieġ soluzzjoni ta’ solidarjeta’ fuq l-immigrazzjoni

ritratt mill-arkivji

Fi stqarrija konġunta ic-Chairpersons tat-tlett gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament Ewropew, l-EPP, l-ALDE, u l-S&D sostnew li ma jistgħux jibqgħu siekta quddiem it-traġedji li qed iseħħu fil-Mediterran. Huma appellaw għal soluzzjoni ibbażata fuq s-solidarjetà bejn l-pajjiżi membri u pajjiżi oħra. L-istqarrija tgħid li din is-soluzzjoni għandha tkun ħolistika billi tieħu f’kunsiderazzjoni l-aspetti kollha tal-isfidi tal-immigrazzjoni rregolari.

L-istqarrija tgħid li l-Unjoni Ewropea għandha twettaq b’mod adekwat operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-Mediterran kkordinati mill-Frontex. Issostni li l-Frontex għandha bżonn aktar riżorsi u finanzi. Dan jista’ jseħħ ukoll billi l-istati membri joffru vapuri u riżorsi umani għall-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.

L-istqarrija tirreferi għal dikjarazzjoni ta’ Frontex li fix-xhur li ġejjin jista’ jkun hemm bejn nofs miljun u miljun persuna li jaqsmu mill-Mediterran b’mod irregolari. It-tlett gruppi politiċi jgħidu li għandu jkun hemm mekkaniżmi aħjar ta’ solidarjeta’ bejn il-pajjiżi, aktar użu minn mekkaniżmi ta’ Visas u mekkaniżmni ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza. Jipproponu wkoll li l-pajjiżi jaħdmu mill-qrib mal-awtoritajiet li jistgħu jieħdu azzjoni kontra t-traffikanti tal-persuni. L-istqarrija tipproponi wkoll li għandhom jiġu kkunsidrati mezzi iktar effiċjenti fil-proċess tal-applikazzjoni għal ażil.