Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena t-turiżmu tal-Cruise Liners f’Malta naqas bi kważi n-nofs meta mqabbel mal-ewwel kwart tas-sena l-oħra.
Ċifri ppubblikati lbieraħ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għat-tliet xhur bejn Jannar u Marzu 2015 juru li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena daħlu Malta fuq Cruise Liners total ta’ 20,653 turist li jfisser tnaqqis ta’ kważi 17,500 fuq il-perjodu bejn Jannar u Marzu 2014 meta kienu daħlu Malta total ta’ 38,138 passiġġier. It-tnaqqis f’termini perċentwali jammonta għal 46%.
L-istatistika tal-NSO turi tnaqqis saħanistra meta wieħed iqabbel anke mal-ewwel tliet xhur tas-sena 2013 meta kienu daħlu Malta total ta’ 22,648 turist fuq cruise liners.
L-NSO qal li fl-ewwel kwart tal-2015 daħlu Malta total ta’ 9 bastimenti tal-passiġġieri, li huwa erbatax inqas milli kienu daħlu bejn Jannar u Marzu 2014. Is-sena li għaddiet fl-ewwel tliet xhur kienu daħlu total ta’ 23 cruise liner bit-turisti fil-Port il-Kbir. Anke f’dan il-każ, meta tqabbel mal-2013, issib li kien hemm tnaqqis ukoll għax bejn Jannar u Marzu 2013 kienu daħlu Malta total ta’ 13-il cruise liner.
L-istatistika tal-NSO turi li 78% tal-passiġġieri tal-cruise liners li daħlu Malta fl-ewwel tliet xhur ta’ dis-sena kienu ġejjin minn stati membri tal-Unjoni Ewropea, bl-akbar swieq għal Malta jibqgħu l-Italja, il-Ġermanja u Franza. Dawn it-turisti naqsu minn 35,400 għal 16,100 – tnaqqis ta’ 19,300.
It-total ta’ turisti minn pajjiżi barra mill-Ewropa kien ta’ ftit aktar minn 4,500, li 12% minnhom kienu turisti Amerikani. F’dan il-każ kien hemm żieda ta’ 1,800.