Ordni minn fuq, li ħarġet it-Tnejn li għadda, wasslet biex ħames suldati Għawdxin li kienu jservu f’Għawdex, b’effett mill-1 ta’ Mejju li ġej se jkunu trasferiti lejn Malta għax “l-esiġenzi tal-Armata kienu li dawn minnufih jibdew iservu f’Malta”.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum irrapporta kif anke l-Kurunell Jeffrey Curmi sostna l-istess raġuni lis-suldati, meta dawn tkellmu personalment mal-Brigadier tal-Armata. Madankollu, it-Tnejn stess, irriżulta li dawn il-ħames suldati Għawdxin intbagħtu jaħdmu u jservu f’Malta għas-sempliċi raġuni li minflokhom f’Għawdex se jintbagħtu jservu ħames suldati oħra.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon’ fissru li l-ħames suldati l-oħra, li ntbagħtu biex jibdew iservu f’Għawdex, huma prattikament membri ġodda fi ħdan l-Armata u m’hemm l-ebda spjegazzjoni għaliex dawn intbagħtu jaħdmu f’Għawdex minflok il-ħamsa l-oħra li kienu trasferiti lejn Malta, ħlief biex ikunu akkomodati għax hekk ġew imwegħda qabel l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-11 ta’ April li għadda.
In-Nazzjon irrapporta kif fi żmien l-amministrazzjonijiet Nazzjonalista, il-Gvern dejjem ħadem u stinka biex joħloq l-opportunitajiet tax-xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess … fosthom fl-Armata, fejn il-Gvern Nazzjonalista kien ħa inizjattivi biex jinħoloq volum ta’ xogħol f’Għawdex stess.
Madankollu, is-sitwazzjoni fl-Armata wkoll inbidlet mal-bdil tal-Gvern, bil-ġurnal In-Nazzjon jgħid li bil-ħniżrijiet kbar li qed isiru, l-Armata qegħda kulma tmur titlef il-motivazzjoni u d-dedikazzjoni tagħha.
Dan kollu jistona mal-wegħda tal-Partit Laburista, li joħloq xogħol għall-Għawdxin f’Għawdex stess. Illum mhux talli din il-wegħda mhux qed tkun onorata, talli issa saħansitra qed jibgħat lill-ħaddiema Għawdxin biex jaħdmu f’Malta u għalhekk il-Gvern qed jagħmel kompletament bil-maqlub ta’ dak li kien wiegħed.
//= $special ?>