Lokali

Xufier fl-Uffiċċju tal-Ispeaker mal-Partit Laburista fis-sala tal-għadd tal-voti

Xufier fl-uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti kien fost ir-rappreżentanti tal-Partit Laburista fis-sala tal-għadd tal-voti waqt li kienu qed jingħaddu l-voti tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Storja ppubblikata llum f’In-Nazzjon tiżvela li x-xufier deher anke fuq il-filmati tal-media Laburista li xxandru s-Sibt li għadda b’rabta mar-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet, jifraħ u jgħollu lil Clint Camilleri hekk kif kien elett mil-lokalità tal-Qala, fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar. Band ħamra li kellu ma’ idu tikxef ukoll lill-istess xufier li hu attivist akkanit tal-Partit Laburista.

Il-preżenza ta’ dan ix-xufier, Brizio Muscat li hu impjegat bħala xufier fl-Uffiċċju tal-Ispeaker, fis-sala tal-għadd tal-voti mar-rappreżentanti tal-Partit Laburista, tistona mal-impjieg tiegħu fl-Uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, liema uffiċċju jrid iżomm imparzjalità u jassigura li jinżamm u jissaħħaħ ir-rispett ta’ dan l-Uffiċċju fost iż-żewġ gruppi politiċi rappreżentati fil-Parlament – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Dawk li kkuntattjaw lil In-Nazzjon dwar il-preżenza ta’ dan l-impjegat fl-Uffiċċju tal-Ispeaker, irrimarkaw li l-preżenza tax-xufier mal-Partit Laburista fis-sala tal-għadd tal-voti ma kinitx f’waqtha u li l-impjegati fl-Uffiċċju tal-Ispeaker għandhom jirrispettaw u jżommu l-Uffiċċju tas-Sedja ‘l fuq minn kull forma ta’ politika partiġjana.

Staqsew ukoll jekk dan l-impjegat kellux il-permess tal-Ispeaker biex jipparteċipa f’attività politika f’isem il-Partit Laburista. Staqsew ukoll x’passi jistgħu jittieħdu biex l-istituzzjoni tal-Parlament, li fil-bidu tax-xahar id-dieħel se tkun qed twettaq pass storiku meta l-Parlament ikollu l-bini tiegħu indipendenti fid-Daħla tal-Belt, iżżomm ir-rispett u d-dinjità li jixirqilha, u tibqa’ ‘l fuq mill-politika partiġjana.