Aġġornamenti:
5.50pm: Persuni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com spjegaw li t-turnout sat-3pm hi meqjusa bħala waħda baxxa ħafna għall-elezzjonijiet tal-KSU. Dawn iċ-ċifri, li jammontaw għal anqas minn 50% tal-persuni kollha eliġibbli, jidher li huma riżultat ta’ numru ta’ lectures li kienu ppjanati għal dalgħodu iżda li tħassru f’ħin qasir.
Dwar iċ-ċifri relatati maċ-Ċentri fil-Belt u f’Għawdex, il-persuni li tkellmu magħna qalu li dawn iċ-ċifri huma normali ħafna. Fil-każ tal-Belt, pereżempju, is-sena l-oħra kienu vvutaw tliet persuni biss, filwaqt li fil-każ ta’ Għawdex, l-istudenti normalment jivvutaw waranofsinhar minħabba korsijiet part-time li jinżammu hemm.
5.10pm: Ftit tal-minuti ilu għalqet il-votazzjoni fil-Junior College.
4.25pm: Aktar ċifri li waslu għand MaltaRightNow.com juru li sat-3pm ivvutaw b’kollox ftit aktar minn 2,700. Dawn jinkludu kważi 1,600 fl-Università ta’ Malta, 724 fil-Junior College u 380 fl-Iskola Medika. Fl-Università ta’ Għawdex intefgħu biss 4 voti, filwaqt li ma kien irreġistrat l-ebda vot li ntefa’ fl-Università l-Qadima fil-Belt. Din it-turnout (sat-3pm) qed tiġi meqjusa bħala waħda baxxa sa dak il-ħin tal-votazzjoni.
1.40pm: Ċifri mhux uffiċjali li waslu għand MaltaRightNow.com juru li fil-każ ta’ Malta sa 12pm ivvutaw 1,217 student. Minn dawn, 785 ivvutaw fil-Kampus tal-Università, filwaqt li 427 ivvutaw fil-Junior College u 190 mill-Iskola tal-Mediċina.
Aktar kmieni …
L-istudenti tal-Università, tal-Junior College, tal-Iskola Medika u anke dawk li jattendu l-Università f’Għawdex illum qed jivvutaw biex jagħżlu r-rappreżentanti tagħhom fil-Kunsill Studenti Universitarji (KSU).
Il-votazzjoni f’Malta fetħet għall-ħabta tat-8am fl-istituzzjonijiet kollha. Filwaqt li fl-Università, il-votazzjoni tagħlaq fit-8pm u fil-każ tal-Junior College għalqet fil-5pm. Fil-każ ta’ Għawdex, il-votazzjoni fetħet f’12pm u tagħlaq fis-6pm.
Il-pjanijiet huma li l-proċess tal-għadd tal-voti jibda għall-ħabta tad-9pm wara li l-kaxxi kollha jkunu waslu fil-Kampus tal-Università. Dan il-proċess jitmexxa minn Kummissjoni Elettorali apposta maħtura mill-KSU.
Għal din l-elezzjoni qed jikkontestaw b’kollox 22 kandidat – 11 għall kull waħda miż-żewġ organizzazzjonijiet, l-għaqda studenteska SDM u l-ghaqda Pulse.
Iż-żewġ rappreżentanzi, ilbieraħ kellhom laqgħat informali mal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil. Wara li żar l-istands tal-SDM u tal-Pulse, hu tkellem mal-Kandidati dwar l-issues li l-aktar qed jiltaqgħu magħhom l-istudenti bħalissa fl-Università.
(Ritratti: Insite Malta)
//= $special ?>