Lokali Parlament

Aġġornata: Wara talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Seduta Parlamentari urġenti għada dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-immigrazzjoni

5.10pm: Wara t-talba mressqa mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fl-aħħħar sigħat saru kuntatti bejn l-Ispeaker, il-Gvern u l-Oppożizzjoni, fejn intlaħaq qbil biex il-Parlament jitlaqqa’ għada l-Ġimgħa bejn l-10am u l-11.30am.

Aktar kmieni …
Fuq talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, għada filgħodu se titlaqqa’ seduta urġenti tal-Parlament biex jiddiskuti l-aħħar żviluppi b’rabta mal-immigrazzjoni.

It-talba saret dalgħodu b’ittra li l-Kap tal-Oppożizzjoni bagħat lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Fl-ittra, Simon Busuttil qal li permezz ta’ din is-seduta, il-Prim Ministru jkun jista’ wkoll jaġġorna l-Kamra dwar l-eżitu tal-Kunsill Ewropew li qed jiltaqa’ llum. Barra minn hekk, ikun jista’ jsir dibattitu dwar l-aħħar traġedji li seħħew u s-sitwazzjoni preżenti dwar l-immigrazzjoni.

L-ittra ntbagħtet ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat, lill-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia u lill-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius.