L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, f’laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew f’Milan dalgħodu, saħaq li l-politiċi kkontribwew għat-traġedja li seħħet fil-Mediterran u li bin-nuqqas t’azzjoni, dawn il-vjaġġi ta’ mewt ġew istituzzjonalizzati u l-kriminali komplew iħaxxnu bwiethom.
David Casa, fil-laqgħa tal-Presidenza tal-PPE qabel is-summit tal-Kunsill Ewropew iktar tard illum, saħaq li għandu jkun hemm iktar sigurtà madwar il-kosta tal-Libja u li l-Europol għandha tingħata s-saħħa u r-riżorsi biex twaqqaf ċrieki ta’ kriminali, uħud preżenti wkoll fit-territorju Ewropew li permezz tagħhom qed jingħaddu l-flus meta qraba ta’ immigranti jħallsu l-vjaġġ għall-membri l-oħra tal-familja tagħhom.
Il-kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew insista li s-sistema volontarja tal-qsim tal-piż tal-immigrazzjoni ma ħadmitx. Insista li l-unika triq ’il quddiem hi dik fejn ikun sistema ta’ kwota, fejn il-pajjiżi membri jilqgħu immigranti skont id-daqs tagħhom, il-popolazzjoni u l-qagħda ekonomika tagħhom.
Fl-istess ħin, saħaq, għandu jkun hemm strateġija marbuta mal-għoti ta’ għajnuna finanzjarja lill-pajjiżi li minnhom jitilqu l-immigranti biex jonqsu r-raġunijiet għaliex dawn jitilqu mil-pajjiż u biex jitwaqqfu strutturi li fihom jiġu pproċessati t-talbiet għall-ażil u l-immigranti ma jkollhomx għalfejn jaqsmu l-Mediterran.
David Casa nsista li dan it-telf ta’ ħajjiet għandu jieqaf u li s-summit tal-Kunsill Ewropew għandu jwassal għal azzjonijiet konkreti u deċiżivi.
//= $special ?>