Il-kapijiet tat-28 pajjiż membru tal-UE se jkunu qed jiltaqgħu fi Brussell illum għal summit straordinarju tal-Kunsill tal-Ewropa wara t-traġedja li seħħet fil-Mediterran fl-aħħar jiem.
Iżda l-aspettattivi tal-pożizzjonijiet finali li mistennija joħorġu fi tmiem id-diskussjoni ma jidhrux li huma kbar.
Osservaturi politiċi u ġurnalisti li ilhom isegwu l-politika tal-UE dwar l-immigrazzjoni qed jisħqu li l-pjan ta’ għaxar punti, maqbul bejn il-Ministri tal-Intern tal-UE fl-aħħar jiem, hu simili ħafna għall-konklużjonijiet ta’ Kunsill ieħor li kien sar f’Ottubru tal-2013, ftit jiem biss wara t-traġedja ta’ Lampedusa.
Skont dawn, il-laqgħat urġenti ta’ dawn il-jiem huma biss wirjiet kożmetiċi u eżerċizzju biex juri li l-UE qed tagħmel xi ħaġa meta fil-fatt, b’mod konkret, m’huma se jfissru xejn ġdid.
Il-pjan ta’ għaxar punti fil-fatt lanqas isemmi l-kelma “solidarjetà” waqt li ma jipproponi xejn ġdid li jista’ verament jiġġieled il-kawża tal-immigrazzjoni, il-kriminalità organizzata, is-sitwazzjoni fil-Libja u l-ġirien tagħha, u l-imwiet fil-baħar.
Malta u l-Italja qed jinsistu li l-UE tibda twettaq politika konkreta biex tindirizza din l-isfida. Il-Partit Nazzjonalista ilu jinsisti għal azzjoni konkreta biex jiżdied is-salvataġġ fil-Mediterran, biex kull pajjiż jerfa’ r-responsabiltà u jżid ir-riżorsi, u biex ikun strateġija fit-tul għal stabilità fil-Libja.
//= $special ?>