Internazzjonali

Eks-Kap Komunista proċessat għall-korruzzjoni fiċ-Ċina

Qorti fil-belt ta’ Xianning qed tipproċessa alleat tal-eks-Kap Ċiniż tas-Sigurtà, Zhou Yongkang, rigward korruzzjoni u abbuż ta’ poter.

L-imputat, Li Chuncheng, hu l-eks-Viċi Segretarju tal-Partit Komunista fil-provinċja ta’ Sichuan, u qed jissemma fost id-diversi rġiel b’konnessjoni ma’ Zhou Yongkang, li spiċċaw arrestati bħala parti minn kampanja kontra l-korruzzjoni.

Zhou, li fost oħrajn qed jiffaċċja akkużi ta’ tixħim, hu l-aktar uffiċjal Ċiniż b’kariga għolja li spiċċa implikat f’din il-kampanja li ilha għaddejja mill-2012.

Intant, filwaqt li l-qorti ma ddettaljatx l-allegati delitti ta’ Li Chuncheng, hu mifhum li l-imputat ma oġġezzjonax għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-investigazzjoni dwar Li – li s-sena l-oħra tkeċċa mill-Partit Komunista – bdiet fl-2012 u wara li hu kien ilu mill-1998 isegwi l-iżvilupp ta’ Chengdu; il-kapitali ta’ Sichuan li serviet ukoll bħala l-bażi ta’ Zhou Yongkang.

Filwaqt li Zhou dam is-snin bħala l-Kap Komunista tal-provinċja ta’ Sichuan, hu wkoll magħruf li Li Chuncheng irnexxielu jkabbar l-influwenza tiegħu f’qasir żmien fl-istess inħawi. Fil-preżent, il-Gvern taċ-Ċina qed jinvestiga eluf ta’ individwi fil-Gvern u s-settur privat, minbarra numru ta’ Ċiniżi li ħarbu minn pajjiżhom.