Id-daqq tal-arpa mad-daħla ta’ 24 tebut li fihom kien hemm daqstant persuni mhux identifikati, inkiser mill-ilfiq tal-immigranti li nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lil ħuthom li ntilfu fit-traġedja fil-Mediterran.
Xeni kommoventi u ta’ qsim il-qalb taħt tinda armata apposta fl-ispazju ta’ quddiem l-Isptar Mater Dei. Il-fjuri tal-Maltin matul il-mogħdija mill-kamra mortwarja sat-tinda laqgħu t-twiebet, li twasslu mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. It-tebut abjad ta’ tifel ta’ 10 snin jispikka fost l-oħrajn.
Għall-ħabta tad-disgħa imbagħad bdiet ċerimonja multi reliġjuża mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech u l-Imam Mohammed El Sadi.
L-Imam, filwaqt li ħares lejn it-twiebet quddiemu, dar lejn dawk preżenti u qal li aħna lkoll immigranti, mixjin vjaġġ lejn Alla. Imma staqsa jekk aħniex ngħixu t-tagħlim tiegħu. “Qed ngħinu lil ħutna li qed isofru? Qed ngħinuhom igawdu l-paċi, prosperita’ u ġustizzja?” staqsa l-Imam.
Minn naħa tiegħu l-Isqof Mario Grech qal li dawn huma biss 24 minn fost mijiet oħra ta’ ħajjiet mitlufa, li ħarbu minn sitwazzjoni ddisprata.
“Nistgħu nħarsu lejn dawn il-vittmi, naqsmu t-triq u nkomplu mexjin,” qal l-Isqof Grech, “imma min hu kapaċi jisma’ l-karba ta’ nies li jridu jgħixu aħjar u jinsa’ kollox.”
Soċjeta’ bla kumpassjoni ma tibqax umana, wissa’ Mario Grech, li b’dieqa fakkar li l-Maltin ma kellniex iċ-ċans noffru tbissima u l-ospitalita’ tagħna lil dawn ħutna. Talab skuża lil dawn il-vittmi li ma stajniex insalvawhom.
Għal din iċ-ċerimonja attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, diversi membri parlamentari, il-Kummissarju tal-Pulizija u mexxejja reliġjużi fost l-oħrajn.
Preżenti wkoll il-Kummissaru Ewropew għall-Migrazzjoni Dimitris Avramopoulos, il-Ministru Taljan tal-Affarijiet Interni Angelino Alfani u l-Ministru Griek għas-Solidarjeta Theano Fotiou.
Wara imbagħad, it-twiebet twasslu wieħed wieħed lejn iċ-ċimiterju tal-Addolorata, fejn saret id-difna, taħt għajnejn għexieren ta’ immigrant li poġġew fjuri fuq l-oqbra ta’ dawn il-persuni.
Immigranti bħalhom li għamlu l-istess vjaġġ, imma fortunatament waslu qawwija u sħaħ biex jibdew ħajja ġdida, bogħod mill-biża’ u l-ħruxija tal-ħajja f’pajjiżhom, kif jgħidulna wħud minnhom.
U hekk kif wieħed wieħed kull tebut innumerat tniżżel għad-difna, dawk preżenti nġabru fit-talb u l-kant u poġġew il-fjuri b’rispett lejn dawn il-persuni.
//= $special ?>