Sewwieq ta’ hearse u turist Brittaniku kważi ġew fl-idejn quddiem iċ-Ċimiterju tal-Addolorata waqt li kien għaddej il-funeral tal-24 vittma minn fost mijiet ta’ immigranti rregolari li tilfu ħajjithom fil-baħar Mediterran fl-aħar jiem. Kien l-intervent f’waqtu ta’ uffiċjal tal-Pulizija, u wħud mid-deffiena li evita li l-argument jeskala iktar.
Jirriżulta li kollox beda meta karozza tal-hearse li kienet qed twassal wieħed mit-twiebet lejn l-Addolorata, u l-vettura misjuqa mill-Brittaniku, resqu qrib xulxin ħdejn roundabout f’Raħal Ġdid. Fil-karozza mal-brittaniku kien hemm ukoll żewġ nisa.
Il-barrani baqa’ jsuq wara l-hearse sakemm waslu l-Addolorata, bil-hearse titħalla tgħaddi u l-Brittaniku li pprova jagħmel l-istess u jidħol fiċ-ċimiterju, qabel twaqqaf mill-Pulizija u uffiċjali oħra. Mistoqsi x’qed jipprova jagħmel, il-Brittaniku nstema’ jgħid: “He tried to run us over. He tried to kill us all!”
L-uffiċjal tal-Pulizija indika lill-barrani biex jipparkja fil-ġenb u ma jostakolax lill-vetturi li setgħu ikunu deħlin fiċ-ċimiterju, biex imbagħad jiħodlu d-dettalji tal-każ. Imma fil-pront miċ-ċimiterju ħareġ wieħed mill-uffiċjali li kienu qed jieħdu ħsieb il-funeral, ħareġ għall-barrani u pprova jħebb għalih fost it-tgħajjir.
Imma meta kollox deher li kkalma, bil-barrani mitfugħ mal-ġenb jistenna li jagħti d-dettalji tiegħħu, miċ-Ċimiterju ħarġet il-hearse involuta fl-inċident wara li t-tebut kien tniżżel u bdiet issir id-difna. Hawn l-argument reġa’ eskala, wara li s-sewwieq tal-hearse pparkja eżatt quddiem il-vettura tal-barrani, bis-sewwieq u r-raġel li kien involut fl-argument iktar kmieni joħorġu mill-karozza u ppruvaw iħebbu għall-barrani.
Kellu jkun għal darb’oħra l-intervent tal-Pulizija u uffiċjali oħra li kkontrollaw kif setgħu l-argument, bil-barrani ordnat iħalli l-post u jmur jagħmel rapport fl-għassa ta’ Raħal Ġdid.
//= $special ?>